Futbol Sport

Kampjonat BOV Premier – Floriana jwaqqfu lil Sliema u jibqgħu bla telfa

Stewart Said

FLORIANA……………….1
SLIEMA W……………….0

Gowl f’nofs l-ewwel taqsima ddeċieda d-derby l-antik favur Floriana, f’logħba li kienet aktar karatterizzata minn daħliet ftit goffi milli azzjonijiet denji. Minkejja dan, ir-rebħa għal Floriana kienet meritata hekk kif kienu aktar organizzati speċjalment fl-ewwel taqsima.

Sliema kienu ġejjin minn erba’ rebħiet konsekuttivi, iżda ftit kienu perikolużi lejn il-lasta ta’ Akpan, b’Jefferson de Assis jipprova joħloq il-periklu iżda kien imrażżan mill-koppja ċentrali Ruiz-Pepe li anki jekk xi kultant għamlu xi daħliet goffi, rażżnu lill-attakkant.

Il-kowċ John Buttigieg għamel tliet bidliet mill-aħħar rebħa tagħhom kontra St. Andrews. Goran Adamovic beda flok Nikola Gavric fid-difiża, Gabriel Aquilina kien preferut minn Peter Xuereb f’nofs il-grawnd filwaqt li Michele Sansone ħa post Frank Temile. Żewġ bidliet għal Floriana li reġa’ kellhom lill-kowċ Giovanni Tedesco sospiż. James Baldacchino u Maurizio Vella bdew minflok Clyde Borg u Dylan Grima.

Floriana ħolqu l-ewwel opportunità denja ta’ skor bi kross mil-lemin ta’ Juninho Cabral lejn Mario Fontanella iżda d-daqqa ta’ ras tat-Taljan għaddiet fuq il-lasta. Il-Furjaniżi kienu aħjar u meritatament marru fil-vantaġġ fl-20 minuta. Kien ballun fit-tul minn nofs il-grawnd fl-ispazju lejn Juninho Cabral, li kien issikkat minn Goran Adamovic, iżda fit-tentattiv li jbiegħed il-periklu, il-ballun ħasad lil Glenn Zammit u spiċċa fix-xibka.

Floriana baqgħu jiddettaw il-logħob u żewġ minuti wara kien Maurizio Vella li ttanta xortih b’xutt li kien blokkat tajjeb minn Glenn Zammit. Vella reġa’ prova fis-26 minuta minn pożizzjoni, b’Zammit isalva parzjalment qabel ma’ Adamovic biegħed il-periklu.

L-ewwel taqsima ntemmet bi protesti Slimiżi għal dak li emmnu li kien fawl fuq Jefferson de Assis. Mat-tisfira ta’ tmiem l-ewwel taqsima, bdew argumenti bejn iż-żewġ settijiet fosthom il-kowċ ta’ Sliema Wanderers John Buttigieg u l-captain ta’ Floriana Steve Pisani.

It-tieni taqsima naqset mir-ritmu tagħha, biż-żewġ timijiet jitilfu s-sistema tattika tagħhom. John Buttigieg ta d-debutt lill-aħħar akkwist tagħhom Nicolae Milinceanu bl-għan li jkun aktar offensiv. Aktar ma beda jgħaddi l-ħin, l-antagoniżmu tal-logħba spikka fuq l-azzjonijiet tal-logħba.

Kien fit-72 minuta li Sliema resqu ftit lejn il-lasta b’xutt ta’ Michele Sansone li kien imxellef f’korner, b’xutt ieħor ikun imxellef għal korner għaxar minuti wara.

Floriana setgħu assiguraw ir-rebħa fit-92 minuta b’kontrattakk li minnu Steve Pisani avvanza madwar 40 metru, qassam fuq il-lemin lejn Juninho Cabral li kien waħdu, iżda x-xutt tiegħu ta biss l-illużjoni tal-gowl.