Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER – Ħamrun joħorġu l-aktar kuntenti bil-punt miksub

Stewart Said

ĦAMRUN S……………….0
VALLETTA…………………0

Valletta naqsu li jwieġbu għar-rebħiet ta’ Gżira, Balzan, Hibernians u Floriana meta spiċċaw fi draw diżappuntanti ta’ 0-0 kontra Ħamrun Spartans. Kif żvolġiet il-logħba u l-pronostiku qabel il-logħba, Ħamrun joħorġu l-aktar kuntenti minn din il-logħba.

Il-Beltin kienu fuq l-offensiva fl-ewwel taqsima u kellhom xi okkażjonijiet li bihom setgħu fetħu l-iskor. Iżda fit-tieni taqsima, Ħamrun minkejja li ma kinux perikolużi, irnexxielhom jikkontrollaw lill-avversarji u kisbu punt li ħadmu għalih.

Il-kowċ ta’ Valletta Zoran Popovic għamel bidla waħda mid-draw kontra Hibernians b’Uchenna Umeh jieħu post is-sospiż Joseph Zerafa. Fuq in-naħa l-oħra, erba’ bidliet għal Jacques Scerri. Tiago Souza, Guilherme de Castro, Wim Bokila u Arthur Machado bdew minflok Jose Mauricio, Terence Agius, Lydon Micallef u Pedro Henrique.

Valletta ħolqu l-ewwel periklu wara seba’ minuti. Kyrian Nwoko seraq ballun fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx għeleb lil Jake Galea, iżda Tiago de Souza kien fil-post it-tajjeb biex ibiegħed il-periklu qabel il-ballun seta’ jidħol fix-xibka. Minuta wara Nwoko reġa’ kien perikoluż mera rċieva mingħand Umeh u prova b’xutt minn tarf il-kaxxa li iżda kien salvat minn Galea.

Ħamrun wieġbu mal-kwarta logħob b’xutt ta’ Francisco Marino Clavero li għadda fuq il-lasta. Ħames minuti wara, Galea salva mingħajr problemi free-kick ta’ Denni Rocha dos Santos.
Il-Beltin kienu aktar avventurużi u fit-28 minuta kellhom l-aħjar azzjoni tat-taqsima. Kien Uchenna Umeh li krossja fil-baxx, b’Matteo Piciollo jidħol tajjeb iżda minkejja li x-xutt kien b’saħħtu, kien ċentrali u Galea salva. Piciollo reġa’ kien perikoluż żewġ minuti wara, b’daqqa ta’ ras li għaddiet ftit barra wara free-kick ta’ Rocha dos Santos.

Fis-37 minuta, Ħamrun kellhom jagħmlu l-ewwel sostituzzjoni sforzata wara li weġġa’ l-gowlkiper Jake Galea. Valletta għalqu l-ewwel taqsima fuq l-attakk u fit-43 minuta kellu jkun is-sostitut Steve Sultana li ħareġ jagħlaq tajjeb fuq xutt ta’ Nwoko wara li kien irċieva mingħand Rocha dos Santos.

It-tieni taqsima naqset li tilħaq il-livell mixtieq bl-ebda azzjoni denja ta’ nota, bl-aħħar kwarta tal-logħba jkun hemm ftit moviment minħabba li ż-żewġ timijiet twalu.

Fis-77 minuta Valletta kellhom azzjoni perikoluża meta minn korner ta’ Rowen Muscat, Santiago Malano ta l-illużjoni tal-gowl iżda d-daqqa ta’ ras kienet bla saħħa u l-ballun spiċċa f’idejn Sultana. Nwoko prova lejn it-tmiem b’xutt li għadda għoli.