Lokali

Komunitajiet Afrikani jammettu li jkollhom jiltaqgħu l-Marsa

Mill-Arkivji
Somali, Sudaniżi u Eritreani jammettu li l-Marsa hi l-lokal favorit tagħhom biex jiltaqgħu – kif fil-fatt jagħmlu – minħabba li f'lokalitajiet oħrajn ma tantx iħossuhom milqugħa. Sadattant juru li huma konxji mid-diffikultajiet li qed jinqalgħu f'dan il-post

Mill-gazzetta il-mument

Qiegħed jirriżulta kif refuġjati u immigranti Afrikani qed jagħżlu biex jiltaqgħu fil-Marsa. Komunitajiet ta’ Somali, Sudaniżi u Eritreani qed jiltaqgħu u jambjentaw lilhom infushom iżjed fil-Marsa għaliex f’lokalitajiet oħrajn ma jħossuhomx tant milqugħa.

Minn stħarriġ li għamlet il-mument jirriżulta li ftit tal-ġimgħat ilu biss tliet komunitajiet ta’ refuġjati u immigranti Afrikani fil-gżejjer Maltin stqarrew li l-Marsa hu l-post fejn ikollhom jiltaqgħu mal-ħbieb tagħhom, għax f’postijiet oħra ma ġewx aċċettati.

Fi stqarija konġunta, il-komunità Somala, dik Sudaniża u Eritreana qalu dan b’reazzjoni għat-tħassib tal-Maltin minħabba inċidenti li kienu seħħew fil-jiem ta’ qabel fl-inħawi tal-Marsa, u li fihom kienu involuti għadd ta’ immigranti.

Dawn il-komunitajiet irringrazzjaw lill-Gvern Malti talli laqagħhom, u qalu li mhux biss jirrispettaw il-Liġi Maltija, iżda anki lill-Maltin, speċjalment lil dawk li joqogħdu l-Marsa.

Huma saħqu li jikkundannaw kull ksur ta’ liġi, kemm mill-immigranti kif ukoll mill-Maltin, filwaqt li rrimarkaw li dawk l-immigranti li jagħmlu dan ma jirrappreżentawx lill-komunitajiet Afrikani f’Malta.

Minkejja dan, aċċennaw għas-sitwazzjoni fil-Marsa, u sostnew li din ilha tiggrava minn qabel mal-awtoritajiet waqqfu ċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa.

Skont dawn it-tliet komunitajiet, il-qagħda fil-Marsa hi dik li hi minħabba li dawn l-inħawi intesew mill-awtoritajiet.
Fid-dawl ta’ dan, ipproponew tliet ideat biex titjieb il-komunikazzjoni bejn l-immigranti u l-pubbliku ġenerali:

1. Jinħolqu spazji fejn dawn il-komunitajiet jistgħu jiltaqgħu;
2. Ħidma mal-għaqdiet biex jiġu megħjuna immigranti bi problemi mentali;
3. Jitwaqqfu ċentri ta’ taħriġ obbligatorju għall-immigranti;
4. Titfassal politika għall-integrazzjoni b’appoġġ strutturat.

Sadattant f’Settembru li għadda s-sitwazzjoni preżenti tal-immigranti f’diversi lokalitajiet kienet diskussa mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca li kellha laqgħa mal-Kunsilli Lokali tal-Marsa, tal-Ħamrun, tal-Floriana, Tal-Pietà, tal-Gżira, ta’ Raħal Ġdid u ta’ Birżebbuġa flimkien ma’ rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u tal-komunitajiet tal-immigranti.

Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-President kien qal li fil-laqgħa kienu diskussi t-tensjonijiet maħluqa f’dawn il-komunitajiet u t-tħassib tar-residenti li wasslu għall-organizzazzjoni ta’ protesta fil-Marsa.

Min-naħa tagħhom ir-rappreżentanti tal-komunitajiet tal-immigranti qalu li huma kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet u appellaw lill-immigranti biex josservaw il-liġijiet Maltin.

Fil-laqgħat kienu diskussi wkoll il-problemi maħluqa minn djar ta’ livell inferjuri, kirjiet ferm ogħlja, abbuż mid-droga, diżordni mentali, sens ta’ inċertezza u min-nuqqas ta’ opportunijiet. Il-partijiet qablu li s-sitwazzjoni mhix aċċettabbli u teħtieġ intervent immedjat flimkien ma’ infurzar tal-liġijiet f’diversi lokalitajiet.

Fost is-soluzzjonijiet indikati hemm il-ħtieġa li tinżamm l-ordni fil-komunità, tinżamm il-liġi kontra d-diskriminazzjoni u l-inġustizzji fuq il-post tax-xogħol u l-introduzzjoni ta’ liġijiet li jikkontrollaw il-kirjiet tal-propjetà.

Il-partijiet qablu li jibqgħu jaħdmu flimkien bi djalogu kontinwu biex jinħolqu relazzjonijiet pożittivi. Huma esprimew sens ta’ solidarjetà u esprimew impenn li jaħdmu flimkien lejn komunitajiet iktar inklussivi li jgħixu fil-paċi f’Malta.