Lokali

L-ebda informazzjoni ġdida mill-Pulizija dwar il-qtil ta’ Lino Mangion

Diffikultà biex ikun stabillit il-motiv wara l-qtil

Il-Pulizija ma ppubblikat l-ebda informazzjoni ġdida dwar il-qtil ta’ Angelo Mangion, jew Lino, ta’ 58 sena minn Ħal Qormi, li nqatel il-Ġimgħa filgħaxija fi sparaturi meta kien f’garaxx ta’ tapizzar f’Ħ’Attard, hekk kif kollox qed jindika lejn diffikultà biex ikun stabillit x’kien il-motiv wara l-qtil.

Angelo Mangion mar għand it-tapizzar biex jagħmillu seat għal mutur tal-injam li kien qed jbni, meta spiċċa fil-mira ta’ persuna mhux magħrufa li daħlet fil-garaxx u qabdet tispara b’revolver lejh u lejn sid il-garaxx – it-tapizzar Raymond Grima, li għalkemm ma nqatilx, indarab serjament.

Ftit wara li seħħ il-qtil, fuq ix-xena tar-reat marru mhux biss l-investigaturi u l-Uffiċjali tal-Forensika, iżda l-ogħla tmexxija tal-Korp tal-Pulizija, fosthom il-Kummissarju Lawrence Cutajar, l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta u l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla. Imma sal-lum, ma ħarġet l-ebda informazzjoni ġdida mill-Pulizija dwar dan il-qtil, jew jekk kienx hemm progress fl-investigazzjonijiet.

Sadanittant, wara li s-Sibt il-media rrappurtat li l-Pulizija nterrogaw erba’ persuni, u li kien hemm suspett qawwi f’wieħed minn dawn il-persuni, illum, il-gazzetta The Times irrappurtat li l-agressur li daħal liebes crash helmet ġol-garaxx, beda jispara bl-addoċċ apposta fuq iż-żewġ persuni. L-istess rapport jgħid ukoll li s-suspett qawwi tal-Pulizija waqa’ fuq raġel partikolari wara informazzjoni anonima li rċeviet.

Madanakollu hu mifhum li sa issa, il-Pulizija qed issibha diffiċli ħafna biex tistabilixxi l-motiv tal-agressur, hekk kif ma jidhirx li l-mejjet jew il-midrub xi darba qatt xellfu difrejhom mal-liġi.

Sadanittant, il-gazzetta il-mument irrappurtat li s-Sibt filgħodu, fil-Kamra Mortwarja tal-Isptar Materi Dei, saret l-awtopsja tal-vittma.