Mill-gazzetta il-mument
Biswit il-Knisja Parrokkjali tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa hemm l-Għassa tal-Pulizija tal-lokal. Aktar magħluqa milli miftuħa, bin-nies tal-lokal jilmentaw minn nuqqas serju ta’ sigurtà.
Dwar dan kelmuna għadd ta’ Marsin li fissru kif sa ftit tas-snin ilu fil-Marsa ma kienx ikollhom problema ta’ nuqqas ta’ sigurtà.
“Hawnhekk konna ngħixu bil-bibien miftuħa. Saħansitra konna nħallu ċ-ċavetta fil-bibien tad-djar tagħna. Illum dan ix-xenarju spiċċa għalkollox għaliex kulħadd jibża’. Illum kulħadd ifittex li jinqafel ġewwa fid-dar tiegħu u jsakkar sew għaliex barra ħadd ma jkun jaf min hu għaddej jew x’qed jiġri.”
Omm ħosbiena qaltilna li llum tant hemm problema ta’ sigurtà fil-Marsa li ma tistax tħalli lit-tfal imorru l-Mużew waħidhom. Ikollha tmur hi kull filgħaxija twassal lit-tfal il-Mużew u tibqa’ tistennihom barra sakemm jispiċċaw mil-lezzjoni tad-duttrina.
“Ommi niftakarha kienet tibgħatna waħdina l-Mużew u qatt ma kien jgħaddilha minn rasha xi periklu. Aħna konna mmorru l-Mużew – sajf u xitwa – mingħajr l-iċken ħsieb ta’ xi periklu għalina u mbagħad fis-sajf konna nibqgħu nilagħbu barra fit-triq.”
L-istess omm qaltilna li din il-biżà li tirrenja llum fil-Marsa hi waħda mill-aktar reali fis-sens li huma komuni xejn ta’ rġiel li jġibu ruħhom b’mod mhux normali. “Tara raġel li ħares lejn xi mara u joħroġ il-parti privata tiegħu barra! Jew inkella lil xi raġel li jibqa’ jsegwik u int ikollok imsarnek f’saqajk. Jew inkella ra’ rġiel reqdin ‘l hawn u ‘l hemm fl-art… forsi kważi b’ilbies imneżża’.”
L-aktar preokkupanti hi li tmur għall-protezzjoni fl-Għassa tal-Pulizija u ssibha kważi dejjem magħluqa. Kull filgħodu l-Pulizija jkun ħdejn l-Iskola u anki meta tispiċċa l-Iskola. Iżda mbagħad rari biex issib l-Għassa tal-Pulizija fil-Marsa miftuħa. L-aktar fi tmiem il-ġimgħa meta l-Għassa tal-Pulizija tkun miftuħa fuq l-antiporta… tista’ ddum tistenna għaliex ħadd ma jitfaċċa.
“Imbagħad hemm problema kbira oħra… aħna nċemplu għall-għajnuna għaliex bosta drabi jiġġieldu bejniethom, tar-Rapid Intervention Union idumu xi kwarta biex jaslu… u kollox imut fuq ommu.”
Persuna oħra qalilna li ma tagħmilx sens li f’lokalità bħall-Marsa ma jkunx hemm Għassa tal-Pulizija miftuħa 24 siegħa kuljum u li fiha jkun hemm numru ta’ Pulizija biex jaqdu l-bżonnijiet tal-lokalità.
“Qabel l-Elezzjoni li għaddiet,” fakkarna raġel anzjan, “il-Prim Ministru kien wiegħed li l-affarijiet fil-Marsa kienu se jinbidlu u kien wiegħed li se terġa’ tidħol l-ordni u d-dixxiplina biex tirritorna s-sigurtà. Issa għaddew bosta xhur mill-Elezzjoni Ġenerali u l-affarijiet marru minn ħażin għall-agħar.”
Anzjan ieħor qalilna li qatt ma jiftakar din is-sitwazzjoni fil-Marsa. “Illum kulħadd jagħmel li jrid. Parkeġġ doppju. Ksur tar-regolamenti. Ħafna Afrikani li qed jgħixu hawnhekk u li litteralment ma għandhomx x’jagħmlu u qed idejqu lil kulħadd. Karozzi lussużi misjuqa minnhom ukoll. Traffikar bl-addoċċ ta’ droga fost l-immigranti. Xeni komuni ta’ sokor jew taħt l-effett tad-droga jew tal-flakka… Droga sintetika kemm trid… Il-ġnien tal-belveder mimli siringi kull filgħodu… u ħadd ma jieħu l-iċken pass. L-awtoritajiet jew qatgħu qalbhom, jew għandhom struzzjonijiet ċari biex idawru wiċċhom għal dak li qed jiġri hawnhekk… jew inkella kulħadd kuntent u kulħadd ferħan u aħna l-poplu Marsi nkwetati li anqas sempliċi protezzjoni ta’ Għassa tal-Pulizija ma għandna.”
Tkellimna wkoll ma’ omm oħra li qalet li hi għandha żewġt itfal żgħar li ma tafdahomx imorru l-bandli minħabba dak li tara hemmhekk. “Għalhekk ikolli neħodhom jirrikreaw ruħhom f’xi bandli oħra. Jew immorru f’Tal Pietà jew x’imkien ieħor. Imma hawnhekk ma tistax. Irġiel jitlajjaw. Oħrajn mixħuta reqdin fuq xi ċint jew fl-art. Skart ma’ kullimkien. Riħa qawwija ta’ awrina u saħansitra fdalijiet ta’ ħmieġ il-bniedem..”
Din l-istess omm staqsiet fejn huma l-awtoritajiet tas-Sanità jew dawn ma jimpurtahomx x’qed jiġri fil-Marsa. “Ġieli anki jkun hawn numru ta’ siringri fl-art fil-playing field. L-użu tal-bandli għal skop ta’ droga sar komuni ħafna, imma l-belveder jidher li hu aktar popolari għal dan l-iskop… Tal-mistħija… anqas bozza waħda tixgħel ma fadal.”
//= $special ?>