Lokali

Ommijiet jesperjenzaw attentati ta’ serq ta’ tfal

Ġlieda bil-fliexken bejn komunitajiet differenti ta' immigranti Afrikani
Fil-Marsa matul l-aħħar xhur numru ta' ommijiet esperjenzaw attentati ta' rġiel suwed jippruvaw joħdulhom lit-tifel jew lit-tifla tagħhom billi jħajruhom pemezz tal-ħelu. Rapporti f'dan is-sens saru wkoll lill-Pulizija

Mill-gazzetta il-mument

“Kien ilu xi ġimgħa jitbissem u jidħak lit-tifel żgħir tiegħi. Kien jurih ukoll il-ħelu. It-tifel ma kienx jaf u kien ikompli, iżda jien kont nibża’ ħafna.

“Darba minnhom konna mexjin fit-triq sejrin lejn id-dar, u dan ir-raġel iswed qabad dirgħajn it-tifel u beda jġebbdu lejh u jien inwerżaq u ngħajjat u ntih bil-flixkun tal-istainless steel.

“Trawma li ma ninsiha qatt. Mort dritt għand il-Pulizija u għamilt rapport l-Għassa. X’ġara minn dakinhar ‘l hawn ma naf xejn. Li naf hu li hawn aktar ommijiet li għaddew minnn din l-esperjenza ta’ attentat ta’ serq tat-tifel jew it-tifla tagħhom.”

Hekk irrakkontatli bid-dmugħ f’għajnejha omm li qaltli li hi ma tistax temmen lis-sitwazzjoni fil-Marsa bil-volum kbir ta’ suwed li hemm waslet sa hawn.

Mistoqsija li iżda sa llum qatt ma kienu rapportati tfal neqsin jew misruqa, qaltli li dan ma jiġrix għaliex kulħadd joqgħod attent ħafna għat-tfal tiegħu u ħadd ma jafdahom waħidhom.

“Mur ara x’ġara l-football. Ftit biss għadhom jibagħtu lit-tfal tagħhom jittrenjaw. Taħseb inti li b’kumbinazzjoni li ħafna ġenituri ma jibagħtux lit-tfal il-football? Hawnhekk lit-tfal ma nafdawhomx sekonda waħidhom.

“Jew mur sal-bandli u ara tarax tfal. Ħadd ma għadu jafda lit-tfal tiegħu jmorru l-bandli. U quddiem dan kollu l-awtoritajiet ma jagħmlu xejn. Il-Gvern passiv. Il-Kunsill Lokali indifferenti u inkompetenti… u l-Knisja qegħda hemm għalxejn.

“Jien irrid infaħħar lil Adrian Delia, il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, li nhar il-Ħadd li għadda semgħana u fehem it-tbatijiet li għaddejjin minnhom bħalissa. Adrian Delia wiegħdna li se jgħinna u aħna nirringrazzjawh bil-quddiem tal-wiegħda tiegħu u tal-impenn tiegħu li jara li l-affarijiet hawnhekk ma jibqgħux kif inhuma. Tal-mistħija kif ħadd ma ta kasna sa issa,” qaltilna mara bid-dmugħ f’għajnejha.

“Lilna ħadd ma jistmagħna. Il-politiċi jiġu għall-vot biss u mbagħad ma tarahomx b’nemes. Grazzi wkoll lil Claudio Grech li spiss jikteb dwar dak li għaddejjin minnu. Dan l-aħħar saħansitra kiteb kif is-sitwazzjoni fil-Marsa qed tkompli sejra mill-ħażin għall-agħar. Kiteb kif spiss qed ikun hemm ġlied aħrax bejn gruppi ta’ immigranti. Hemm bżonn li nagħmlu sforz kollettiv ħafna akbar biex nuru lir-residenti tal-Marsa u tal-Ħamrun li m’humiex abbandunati.

“Aħna wkoll għandna dritt biex ngħixu ħajja normali kif konna qed ngħixu qabel. Is-Sindku ta’ hawnhekk qiegħed hawn litteralment għal xejn. Ma ssibu għal xejn. Fliexken u bottijiet tal-birra mxerrda kullimkien. Riħa ta’ urina u koko fl-art. Telqa u abbandun tal-lokalità. Biża’ u nuqqas ta’ sigurtà.”

Problema kbira oħra li qed isseħħ fil-lokalità hi dik tal-ġlied regolari li qiegħed ikun hemm bejn gruppi differenti ta’ immigranti. Ġlidiet bil- fliexken tal-ħġieġ li qiegħed iseħħ b’mod regolari, kważi f’kull tmiem il-ġimgħa.

Bosta Marsin jistaqsu dwar il-by-law dwar il konsum tal-alkoħol u kif huma fil-Marsa għadhom ma semgħu xejn filwaqt li f’lokalitajiet oħra hu ipprojbit milli jkun ikkonsmat l-alkoħol fit-toroq.

Huma jsemmu kif f’Paċeville ħadd ma jista’ jixtri kontenituri tal-ħġieġ bl-alkoħol u jikkonsmahom fit-toroq. U dan qed jiddaħħal f’diversi lokalitajiet oħrajn ukoll.

Dwar dan il-Marsin qed iħeġġu li mhux biss ikun hemm regolamenti iebsa, iżda li l-awtoritajiet jassiguraw li jkunu osservati minn kulħadd.

Il-Marsin qed jitolbu wkoll lis-Sanità tagħmel il-parti tagħha fil-lokal tagħhom. Mhux biss, iżda tajjeb li jsir eżerċizzju biex ikun assigurat li l-ħwienet kollha li hemm fil-lokalità tal-Marsa – huma ta’ xix inhuma – huma qed jaħdmu b’konformità mal-liġijiet u l-permessi li jitlob il-pajjiż. Per eżempju hemm ħwienet li anqas biss għandhom tabella barra. Oħrajn li jibqgħu juru l-logħob tal-ballun sa tard bil-lejl… u oħrajn li jispiċċaw b’immigranti f’sakra ma jarawx art u allura ma jkunux kapaċi jaslu safejn suppost għandhom saqaf fuq rashom.