Lokali

“Priġunieri fi djarna” – Marsin

Immigrant mixħut fuq il-bankina fl-art fi Triq fil-Marsa probabbilment wara li siker jew ħa xi sustanzi ipprojbiti... din hi xena komuni u ommijiet jistqarru li huma u wliedhom jinħasdu kull darba li jinzertaw xi ħaġa simili
Ħafna Marsin iħossuhom imwarrba, skartati u injorati mill-awtoritajiet kollha, fosthom mill-Istat, mill-Pulizija u saħansitra mill-Knisja u qed jgħidu li dawn ma humiex jagħtu kas tal-ilmenti tagħhom

Mill-gazzetta il-mument

Fl-aħħar jiem reġgħet tqanqlet il-kwistjoni tat-telqa kbira li hemm fil-Marsa u kif ir-residenti huma tassew imdejqa b’dak li qed jiġri fil-lokal tagħhom.

Matul din il-ġimgħa il-mument żaret diversi drabi l-Marsa u ltaqa’ ma’ għadd ta’ persuni li rrakkontaw l-esperjenzi tagħhom fl-aħħar snin minn meta fil-lokal infetaħ iċ-Ċentru għall-Immigranti.

Frażi komuni fost numru ta’ persuni li tkellmu magħna kienet: “Spiċċajna priġunieri fi djarna… ma nistgħux noħorġu anqas ftit fil-gallarija!”

Mill-intervisti li għamilna stajna nistabbilixxu numru ta’ fatti, imma fost l-aktar importanti kien hemm dak lin-nies qed jibżgħu jitkellmu u dan għal diversi raġunijiet.

Aħna xtaqna residenti li jitkellmu magħna bl-apert, iżda dan kien diffiċli ħafna. Qalulna li jixtiequ, iżda jibżgħu tassew li wara jisfgħu vittmi għaliex ikunu qalu l-verità. “Faċilment hawnhekk titkellem u mbagħad tispiċċa fiżikament aggredita jew imsawta jew b’xi att vandalu mad-dar jew il-karozza.”

Persuni oħrajn qalulna li huma ma jixtiequx jidhru għaliex imbagħad malajr issib lil min akkużahom li huma razzisti. “Jien ma għandi xejn kontra l-immigranti. Litteralment ma għandi xejn u l-familja li toqgħod taħti hi verament familja ħelwa u tar-rispett. Iżda ħafna oħrajn qed jieħdu l-liġi b’idejhom u jagħmlu li jridu u qed jikkaġunaw ħafna dwejjaq fil-lokalità tagħna. Jien nitkellem ċar ħafna imma ma nistax infaħħarhom jekk jagħmlu affarijiet li huma degradabbli… l-istess jekk dawn l-affarijiet jagħmluhom il-Maltin jew xi nies oħrajn. Imma jekk titkellem mill-ewwel tispiċċa ittimbrat.”

Lil hinn mill-biża’ ta’ tpattija jew inkella mill-biża’ dwar razziżmu u mhux razziżmu, kien hemm min qalilna wkoll li jiddejjaq jidher għaliex wara kollox fil-Marsa llum hemm min qed jaqla’ flus kbar minn fuq il-persuni ta’ karnaġġjon skur… hawn min għandu ħwienet għas-suwed jew qed jikrilhom il-ħwienet… u hawn ukoll min qed jikri appartamenti jew djar u f’dawn ir-residenzi qed joqogħdu għadd ġmielu minnhom u d-dħul għal min qed jikri jammonta fi flejjes kbar kull xahar… u forsi dan kollu m’hu dikjarat xejn.

Madankollu ħafna Marsin huma mxebba’ bis-sitwazzjoni li qed jgħixu fiha fil-lokal tagħhom; fil-lokal li tant iħobbu.
Huma mdejqa għal diversi raġunijiet, fosthom għaliex f’ħafna ċirkostanzi qed iħossuhom imwarrba, skartati u injorati mill-awtoritajiet kollha li m’hux jagħtu kas tal-ilmenti tagħhom.

Ir-residenti qalulna wkoll li problema kbira llum il-ġurnata hi li qed iħossuhom li aktar qed jgħixu f’xi villaġġ Afrikan milli f’lokalità Maltija. “Kulfejn tħares, tħabbat wiċċek magħhom. Jien ma għandi xejn kontrihom, iżda nitwaħħax meta nara rġiel m’għola hawn fis-sakra jew jirremettu fil-pubbliku.”

Problema oħra li anqas tista’ toħroġ ftit fil-gallarija. “Sa ftit tas-snin ilu fit-triq fejn noqogħdu kellna l-użanza, partikularment fis-sajf, li filgħaxija noħorġu s-siġġijiet barra u ninġabru bħala ġirien u noqogħdu nitkellmu. Taħt għajnejna kien ikun hemm it-tfal jilagħbu noli jew ħarba mingħajr perikli ta’ xejn.

“Illum dan kollu spiċċa. Mhux biss fis-sajf ma nistgħux joħorġu barra ngħidu kelma u ngawdu ftit iż-żiffa tas-sajf, iżda issa anqas biss fil-gallarija ma tista’ toħroġ għax issib lil min iħares lejn b’mod biċċier bħal qisek x’int tagħmel hemm!”
Problema oħra li bosta lmentaw dwarha hi li l-lokalità tal-Marsa – aktar u aktar fil-qalba tagħha – illum saret mitluqa u fi stat ta’ abbandun. “Mur sal-ġnien – aħna ngħidulu l-belveder – li jagħti għal Triq Diċembru 13. Mitluq u filgħaxija tibża’ tgħaddi minnu għaliex fi stat ta’ dlam ċappa. Hawn wisq ħmieġ u ntejjen. Dixxiplina ta’ xejn u immigranti qed jagħmlu li jridu u llum tant kibret il-preżenza tagħhom hawnhekk, li aħna l-Marsin spiċċajna f’minoranza.”