F’ġurnata pjuttost sajfija f’dan it-tielet Ħadd ta’ Novembru, il-poplu Malti u Għawdxi ħonoq bi ħġaru t-toroq ċentrali tal-pajjiż li jwasslu lejn il-Belt Valletta b’għan nobbli. Dan hekk kif dalgħodu saret id-disa’ edizzjoni tal-Ġirja b’Solidarjetà tal-President b’riżq l-Istrina.
Il-ġirja telqet minn fuq is-Saqqajja r-Rabat filwaqt li l-mixja bdiet minn 3 postijiet ċentrali; Casa Leone f’Santa Venera, Misraħ Antoine De Paule f’Raħal il-Ġdid u mill-Università ta’ Malta. Minn dan il-punt tat-tluq ipparteċipaw il-mexxejja tal-pajjiż, fosthom il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, flimkien mal-familja u għadd ta’ deputati tal-Partit.
Bosta baned u gruppi mużikali allegraw lill-parteċipanti tul it-toroq differenti sakemm il-gruppi mxew jew ġrew wara xulxin minn Bieb il-Bombi għal Triq Sant’Anna lejn il-Venda tal-Linja, tul Triq ir-Repubblika sal-punt tal-wasla f’Misraħ San Ġorġ.
Fi tmiem l-attività, l-awtoritajiet tal-pajjiż u s-sostenituri ewlenin tal-attività waslu l-messaġġi tagħhom lil dawk miġbura fi Pjazza San Ġorġ. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, elenka ma’ NET News il-kobor tal-qalb Maltija mal-proxxmu:
Wara ppreżenta għotja f’isem il-Partit Nazzjonalista, kif l-istess għamel il-Prim Ministru mill-Fond għall-Kawżi Ġusti. Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, ħeġġet lill-poplu Malti biex ma jkunx ġeneruż biss darba fis-sena f’atti ta’ solidarjetà bħal dawn. Ir-riżoluzzjoni tal-poplu Malti għall-2018 għandha tkun il-ġenerożità fir-rispett bejn il-Maltin tul is-sena, anki jekk wieħed ma jaqbilx ma’ dak li jkun.
L-allegrija mbagħad issoktat għal dawk preżenti fi Pjazza San Ġorġ permezz ta’ sessjoni taż-żumba u mużika pprovduta minn DJs lokali.
Il-mixja tal-lum bdiet it-triq ta’ solidarjetà tul Novembru u Diċembru, b’bosta attivitajiet tal-Malta Community Chest Fund, li twassalna għall-Istrina, l-għada tal-Milied.
Ritratti ta’ Martin Agius u filmat ta’ Victor Abela
//= $special ?>