Futbol Sport

FUTBOL TALJAN – Carlo Tavecchio jirriżenja minn President tal-FIGC

Carlo Tavecchio m’għadux President tal-Federazzjoni tal-Futbol Taljan

Kif kien mistenni, l-President tal-Federazzjoni tal-Futbol Taljan (FIGC) Carlo Tavecchio rriżenja mill-kariga, ġimgħa wara li l-Italja sfat eliminata mit-Tazza tad-Dinja.

L-Italja naqqset milli tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 wara li tilfet play-off fuq żewġ legs kontra l-Iżvezja u jum wara l-kowċ nazzjonali Giampiero Ventura tkeċċa mill-kariga filwaqt li f’laqgħa tal-Federcalcio li damet madwar sagħtejn li fiha kien konfermat Tavecchio bħala President wara li kiseb il-fiduċja mill-membri.

Madankollu issa Tavecchio ċeda għall-pressjoni li qed issir fuqu u ħalla din il-kariga li kien ilu jokkupa sa minn ftit xhur wara li l-Italja kienet eliminata mit-Tazza tad-Dinja tal-2014.

F’kummenti li ta Tavecchio qal li kien l-ekskowċ nazzjonali Marcello Lippi li għażel lis-suċċess tiegħu u mhux hu.
“Jien pattejt għall-iżbalji ta’ ħaddieħor. Tlabt lill-bord tal-FIGC jirriżenja bħali imma jien biss spiċċajt għamilt il-pass. Issa l-għan tiegħi hu li nibqa’ nmexxi lill-Federazzjoni sakemm isiru l-elezzjonijiet Presidenzjali,” qal Tavecchio.

Tajjeb wieħed jinnota li filwaqt li minn naħa tiegħu Tavecchio jrid jibqa’ jmexxi lill-FIGC sakemm isiru l-elezzjonijiet Presidenzjali, il-President tal-Kumitat Olimpiku Taljan (CONI) Giovanni Malago qal li r-regoli tal-istat jgħidu mod ieħor.

Hu qal li sakemm isiru l-elezzjonijiet Presidenzjali tal-FIGC suppost ikun hu li jmexxi lill-Federazzjoni b’mod temporanju, anke jekk personalment qal li jkun ideali għalih jekk ikun xi ħaddieħor li jagħmel dan minħabba l-impenji li għandu.