Lokali Saħħa Sport

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità se tappella mis-sentenza tal-Qorti

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) tinnota b’diżappunt is-sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-kawża li kienet fetħet kontra l-Malta Football Association b’rabta man-nuqqas ta’ aċċessibilità fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.

F’din is-sentenza, il-Qorti ddikjarat li “għalkemm il-perit tekniku sab illi l-aċċess għall-Enclosure huwa inqas favorevoli għal persuni b’diżabilità, b’daqshekk ma jfissirx li qiegħda ssir diskriminazzjoni magħhom.”

Fi stqarrija s-CRPD qalet li tħoss li din l-affermazzjoni tmur totalment kontra l-ispirtu tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, li ġiet ratifikata kemm minn Malta, kif ukoll mill-Unjoni Ewropea. Aktar minn hekk, din l-affermazzjoni tmur kontra d-definizzjoni tat-terminu ‘diskriminazzjoni’ li jinsab fl-Att Dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità).

L-essenza stess tad-diskriminazzjoni hija li persuna jew persuni jiġu trattati b’mod anqas favorevoli minn ħaddieħor, mingħajr ma wieħed jidħol fil-grad tat-trattament favorevoli.

Is-CRPD qalet li temmen li affermazzjoni bħal din mogħtija f’sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili hija perikoluża ferm għax tista’ tagħti lok għal diskriminazzjoni istituzzjonalizzata.

Għaldaqstant, beħsiebha tappella għal din id-deċiżjoni u lesta tibqa’ tiddefendi l-interessi tal-persuni b’diżabilità sal-istadji kollha permessi mil-liġi, inkluż fil-fora Ewropej.