Il-Partit Nazzjonalista llum qiegħed ifakkar Transgender Day of Remembrance (TDOR) li hija dik il-ġurnata li tfakkar il-memorja ta’ dawk it-transgenders kollha li inqatlu vjolentement kagun ta’ mibegħda u intolleranza lejn l-identità tal-ġeneru tagħhom.
Il-Partit fi stqarrija qal li jikkundanna kull forma ta’ vjolenza u diskriminazzjoni. Għaldaqstant il-bandiera ta’ Malta fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’Tal-Pietà ġiet mtella’ mezz’asta bħala sinjal ta’ luttu u turija ta’ rispett u solidarjetà.
Il-Partit Nazzjonalista ddikjara li jrid ikun strumentali biex jgħin persuni transgender li qed ibgħatu minhabba kull forma ta’ diskriminazzjoni, bullying u abbuż fiżiku jew psikoloġiku.
Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi li minkejja li mxejna ’l quddiem, għad hawn ħafna nuqqas ta’ informazzjoni dwar persuni transgenders. Il-Partit Nazzjonalista jemmen illi l-edukazzjoni hija l-aqwa arma sabiex niġġieldu din il-misinformazzjoni li twassal għal mibegħda u l-intolleranza.
Fost oħrajn, l-iskejjel għandhom b’responsabbiltà u fl-eta idoneja jorganizzaw attivitajiet fuq temi ta’ diversità fl-identità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali. Dan għandu jgħin sabiex jitqajjem għarfien kemm mal-istudenti kif ukoll mal-għalliema u ħaddiema oħra fl-iskejjel.

Illum il-Partit Nazzjonalista mhux biss qed ifakkar din il-ġurnata importanti għall-persuni li jinsabu fi gruppi ta’ minoranza, iżda qed jistedenhom biex iwasslu il-proposti tagħhom lill-Partit Nazzjonalista sabiex flimkien nkunu nistgħu ntejbu il-kwalità tal-ħajja tagħkom.
Permezz tat-tifkira tal-ġurnata Transgender Remembrance Day, il-Partit Nazzjonalista qed jsostni l-pożizzjoni u l-prinċipji tiegħu, li jpoġġi lill-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni, fiċ-ċentru tal-politika tiegħu, u jrid iwassal messaġġ ċar u qawwi li l-ħajja ta’ kull persuna hija ugwali.
//= $special ?>
