Lokali

Mhux se jipposponi l-bini fiż-Żonqor minkejja l-konkorrenza fqira

Meta kien qed iżur l-estensjoni tal-campus tal-London School of Commerce f’Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mhux se jkun hemm postponiment tax-xogħolijiet fiż-Żonqor għall-Universita’ Amerikana minn żviluppaturi Ġordaniżi.

Dan minkejja li l-Universita’ Amerikana ta’ Malta attirat biss ftit studenti, b’numri ivarjaw bejn 15 u 23 student. Skont Muscat, il-proġett tal-Ġordaniżi Sadeen għadu ‘on track’

B’kuntrast għall-Universita’ Amerikana, iktar minn 1,000 student minn 60 pajjiż madwar id-dinja iggradwaw wara li studjaw fil-campus ta’ Malta tal-London School of Commerce, f’dawn l-aħħar tliet snin.

F’diskors tal-okkażjoni, iċ-Chairman tal-Grupp Lord Tomlinson, faħħar il-politika li tattira istituzzjonijiet edukattivi. Madanakollu hu ħeġġeġ lill-Gvern, u b’mod partikolari l-Kunsill Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni Ogħla biex jaċċettaw biss operaturi fil-qasam tal-edukazzjoni li għandhom track record tajjeb

Qal ukoll li hemm ukoll ħtieġa biex ikunu faċilitati il-proċessi biex studenti prospettivi tinħarġilhom il-visa biex jiġu Malta.

Bħala eżempju, Lord Tomlinson semma li student mill-Vietnam ikollu jivvjaġġa lejn iċ-Ċina biex jikseb visa biex ikun jista’ jiġi Malta.

Joseph Muscat qal li filwaqt li hu impossibbli li Malta jkollha ambaxxata kullimkien, hu qal li l-Gvern se jiżviluppa sistema online sabiex tinħareġ visa.