Lokali

Muscat jibqa’ jinjora l-karba tal-poplu Marsi dwar in-nuqqas ta’ sigurtà

Iqumu aktar mistoqsijiet dwar in-nuqqas ta' sigurtà fil-gżejjer Maltin wara d-delitt tal-Ġimgħa f'Ħ'Attard.

Filwaqt li l-poplu Marsi lbieraħ apprezza l-inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li qiegħed juru solidarjetà mal-ħajja diffiċli li qiegħed jgħix kaġun tan-nuqqas ta’ sigurtà li qed jgħix fiha, ilbieraħ filgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat injora għalkollox dak li għaddej minnu dan l-istess poplu li qed jiffaċċa diffikultajiet kbar fil-ħajja ta’ kuljum.

Mhux biss, iżda fl-intervent tiegħu fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat injora kompletament id-diskors li hawn fil-pajjiż bħalissa fejn il-poplu Malti qiegħed jesperjenza żieda fil-kriminalità prattikament f’kull belt u f’kull raħal tal-pajjiż.

Għal darb’oħra l-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ iddeċieda li jibqa’ jirrombla u jibqa’ għaddej bl-aġenda tiegħu u jiskarta għalkollox kull karba ġejja minn fejn ġejja relatata mal-problema serja tan-nuqqas ta’ sigurtà madwarna.

Proprju inqas minn 48 siegħa minn dak li seta’ kien qtil doppju f’Ħ’Attard nhar il-Ġimgħa filgħaxija, u xahar ’il bogħod mill-qtil b’bomba qawwija fil-Bidnija tal-ġurnalista Daphne Caruana Galiza, ilbieraħ għal darb’oħra l-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li joqgħod jiftaħar bl-ekonomija u bix-xogħol u jinsa r-realtà ta’ numru ta’ każi ta’ serq u delitti li qegħdin jinkwetaw lill-poplu Malti.

Il-ġimgħa l-oħra biss mhux biss kienu rapportati għadd ta’ każijiet ta’ serq fi djar ta’ nies vulnerabbli, fosthom koppja anzjana li spiċċat marbuta u msawta ġewwa darha f’Ħal Tarxien, iżda talli fl-aħħar seħħ qtil ieħor u kważi qtil ieħor li dwarhom il-Pulizija sa issa ma kellhom l-ebda tweġiba. Din hi turija ċara li għall-kriminalità organizzata l-Pulizija mhi qed ikollha l-ebda mezz biex twieġeb b’suċċess.

Imma għall-Prim Ministru Joseph Muscat kollox qiegħed jitqies li miexi fuq ir-rubini u anki lbieraħ għażel li jinjora l-karbiet tal-Maltin u jipprova jissettja l-aġenda hu. Sadattant dwar dan, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li għal darb’oħra Joseph Muscat injora l-problema ta’ sigurtà f’pajjiżna u dan hekk kif f’pajjiżna qed tinħass li hawn problema ta’ nuqqas ta’ sigurtà.

Il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija tiegħu kompla li kollox jindika li din il-mewġa ta’ nuqqas ta’ sigurtà madwarna se tkompli tiżdied, iżda l-Prim Ministru Joseph Muscat jagħżel li jinjora dan kompletament, u waqt l-intervista li saritlu lbieraħ filgħodu hu tkellem fuq kollox għajr dwar is-sigurtà f’pajjiżna.

Kien hawnhekk meta l-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija tiegħu tkellem dwar dak li għaddej minnu l-poplu tal-Marsa, u anki dak ta’ San Pawl il-Baħar, bħalissa. Dawn, ġo darhom stess, huma mħassbin kontinwament minħabba n-nuqqas ta’ sigurtà.

Joseph Muscat ma tkellem xejn lanqas dwar il-fatt li l-omiċidji f’pajjiżna saru xi ħaġa li sfortunament indrat.

Fl-istqarrija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista temm li hu se jagħmel minn kollox mill-Oppożizzjoni biex pajjiżna jerġa’jsir pajjiż fejn tirrenja s-sigurtà.