Lokali Parlament

Problemi kbar fl-istudenti li jitilqu kmieni mill-iskola

– Therese Comoidni Cachia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comoidni Cachia qalet li s-sistema edukattiva f’Malta qed tfalli fil-kuntest tal-istudenti li jitilqu mill-iskola kmieni; probelma li qed twassal biex dawn l-istudenti jsibu biss impjieg b’paga minima u f’xogħol prekarju.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia tkellmet dwar dawk l-istudenti li jħallu l-iskola kmieni u qalet li ħafna minnhom ikunu intilfu mis-sistema u jispiċċaw f’xogħol ta’ tbatija f’kundizzjonijiet ħżiena. Dawn huma ż-żgħażagħ li jispiċċaw f’xogħol b’paga minima u bi dħul li ma jippermettix li jlaħħqu mal-kwalità tal-ħajja.

Għal dawn, il-budget mhu se jagħmel xejn għax ma jinkludix pjan. Il-miżuri tal-gvern għall-istudenti li bħalissa huma fis-sitwazzjoni prekarja m’humiex miżuri biex l-istudenti jinqabdu qabel iħallu l-iskola iżda biex jipprovaw jitrattaw il-problema meta din diġà fis-seħħ.

Malta għandha mira biex sal-2020 in-numru ta’ studenti li jitilqu kmienu jkun ta’ 10% iżda jidher li din il-mira mhux se tintlaħaq. Malta hi l-agħar fl-Ewropa f’dan is-settur. Dawn huma t-tfal li l-gvern ikun naqashom għaliex ħarġu mingħajr ebda ċertifikat ta’ valur li jita’ jissarraf f’futur għalihom.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li s-sistema qed tikkudanna lil dawn iż-żgħażagħ biex jgħixu f’din is-sitwazzjoni prekarja. Dan il-budget ma jsemmi l-ebda miżuri ta’ prevenzjoni u ma jħares xejn lejn il-proposta li l-istudenti jkollhom l-istess opportunitajiet. Il-Gvern lanqas ħaseb biex jimpjega lill-għalliema li speċjalizzaw it-taħriġ tagħhom fl-edukazzjoni kmieni.

Therese Comodini Cachia tkellmet dwar l-għażla tas-snajja u staqsiet kif dawn l-istudenti jistgħu jbiddlu l-għażliet tagħhom u jekk din l-għażla (My Journey) hux se tkun forma li twassal għal xogħol bil-paga minima. L-għalliema qed jistaqsu wkoll jekk ix-xogħol miltub minnhom f’din l-għażla hux se jkun inkluż il-pakkett finanzarju.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern mhux iżomm il-wegħdi tiegħu anki dwar il-bini ta’ skejjel ġodda li mhux jitwettqu fosthom f’Marsaskala, ir-Rabat Għawdex u San Pawl il-Baħar. Issa l-gvern qed iwiegħed skola ġdida fl-Imsida. Hi kkritikat il-mod kif qed jitmexxa l-Ministeru tal-Edukazzjoni fosthom dwar il-każ tal-canvasser tiegħu u tal-mod kif titmexxa l-FTS. Il-Ministru tal-Edukazzjoni għandu jisma’ sew lill-partijiet kollha inovluti fis-sistema edukattiva.

L-Istitut għall-Edukazzjoni inqatel għaliex kien qed jieqaf lill-Ministru; li ried jaħtaf il-kontroll tal-politika fl-edukazzjoni għax ma jadfax lill-partijiet inovluti. Issa se jkun hemm Bord għall-Edukazzjoni Obbligatorja bl-involviment tal-partijiet kollha iżda din hi proposta li mhix milqugħa tajjeb mill-partijiet kollha involuti.

Miżura oħra hi l-istruttura f’kull livell biex l-edukazzjoni tirrifletti dak li għandha bżonn l-ekonomija u biex ikun sinerġija. Iżda l-edukazzjoni m’għandhiex tkun ifformata biss skont l-ekonomija għaliex dan iwassal biex l-istudenti jsiru robots. Edukazzjoni tajba tfisser li jkun hemm il-ħiliet li jmorru iktar mill-opportunitajiet ta’ xogħol iżda li l-istudenti jkunu ċittadini aħjar u kuntenti soċjalment u fil-ħiliet; iżda mhux biss.

Il-Ministru Bartolo għandu jieqaf iżarma diversi servzzi fosthom il-guidance. Dwar il-miżati, hi qalet li wara tliet snin jieħu flus ogħla ferm iżda se titnaqqas parti minn din il-miżata għaliex kien l-istess gvern li fl-2014 għolla dawn il-miżati b’mod feroċi.

Id-Deputat Nazzjonalista kompliet li kien il-Ministru Bartolo li ħalla issir il-farsa tal-AUM iżda issa qed jammetti li din mhix università; bil-gvern ibiddel il-verżjonijiet orġinali dwar kif se topera din is-suppost univeristà.

Hi tkellmet ukoll dwar ir-rispett lejn l-għalliema u appellat lill-gvern biex jagħmel pjan fejn l-għalliema jkunu rispettatat f’kull settur. Il-gvern mhux jagħti appoġġ lill-għalliema li jridu jlaħħqu ma’ numru ta’ klassijiet.