Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-PN qed iħejji numru ta’ proposti biex jissaħħu l-kunsilli lokali, 24 sena wara li dawn twaqqfu.
Fil-parlament Robert Cutajar qal li dak li kien rilevanti fil-mument tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadu l-istess illum għaliex il-gvern għażel li jibqa’ għaddej qisu buisness as usual u injora dak li qed tgħidlu s-soċjetà. Hu tkellem dwar il-kunsilli lokali u qal li 24 sena ilu l-Gvern Nazzjonalista welled dan il-kunċett ġdid waqt li gvernijiet Nazzjonalisti dejjem saħħew lill-kunsilli lokali li ngħataw iktar poteri u devuluzzjoni.
Il-PN se jipparteċipa bis-sħiħ fid-dibattitu u sa-aħħar ta’ Jannar 2018 l-Oppożizzjoni se tkun qed tagħti l-proposti tagħha waqt li l-gvern għandu qed jikkontempla meta se jiffinalizza l-white paper. Il-konsultazzjoni tal-PN se jssir man-nies, mal-kunsilli, il-kunsilliera, l-assoċjazzjonijiet u anki l-ħaddiema tal-kunsilli.
Il-PN se jisma’ wkoll liż-żgħażagħ li jistgħu jkunu mħarjin jikkontestaw l-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali. Il-problema hi li l-atteġġjament politiku tal-gvern qed iweġġa’ lil min ikun interessat fil-kunsilli lokali. Il-PN għalhekk nieda l-proċess ta’ konsultazzjoni biex jitratta sitt punti importanti li għandhom ikunu l-pass li jmiss fir-riformi tal-kunsilli lokali.
Robert Cutajar qal li għandha ssir diskussjoni dwar il-vot 16 u sa fejn dan għandu jasal fil-kuntest tal-parteċipazzjoni diretta jew indiretta taż-żgħażagħ ta’ 16-il sena fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u tal-ħidma amministrattiva tal-kunsilli lokali biex il-burokazija titnaqqas u mhux tiżdied.
Bħala eżempju hu semma Transport Malta u qal li dawn jidħlu f’lokalità u jagħmlu t-trinek mingħajr l-approvazzjoni tal-kunsilli lokali. Dwar it-toroq Robert Cutajar semma’ l-wegħda elettorali li t-toroq jgħaddu taħt ir-responsabbiltà ta’ Awtorità u qal li l-Oppożizzjoni taqbel iżda l-gvern m’għandux jidħol wara għaliex ir-responsabbiltà għandha tibqa’ għand il-kunsilli lokali.
Robert Cutajar semma l-infrzar u qal li jeħtieġ issir qabża fil-kunsilli loali billi dan jissaħħaħ. Hu kkritika l-fatt li fl-2016 fiż-żoni ambjentalment protetti tal-Miżbieb, il-Park tal-Majjistral u l-Aħrax tal-Mellieħa saru biss 18-il spezzjoni. Dan filwaqt li l-Għassa tal-Mellieħa għamlet tliet ġimgħat bla karozza. Jeħtieġ li l-laqgħat bejn il-pulizija u l-kunsilli lokali ikunu iktar strutturati biex il-komunitajiet ikunu protetti.
Robert Cutajar semma l-aspett soċjali u qal li l-PN se jressaq proposti fattibbli li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Il-kunsilli lokali għandhom jitrattaw diversi problemi fis-soċjetà fosthom dik tal-vjolenza domestika; problema inkwetanti fil-pajjiż kollu.
Il-PN se jagħti attenzjoni u proposti dwar ir-reġjuni u dwar l-allokazzjoni finanzjarja tal-kunsilli lokali, li tibqa’ problema minkejja ż-żieda redikola ta’ €1 miljun bejn il-kunsilli lokali kollha fl-aħħar budget. Il-PN se jressaq formoli ġodda dwar kif tinħadem l-allokazzjoni tal-fondi lill-kunsilli lokali. Jeħtieġ li l-elettorat ikollu vuċi quddiem il-proġetti li qed jgħarrqu l-lokalitajiet mill-aspett ambjentali inkluż it-traffiku u n-nuqqas ta’ parkeġġ.
//= $special ?>