“Aħna mħassba li dokument bħal dan ġie mfassal mingħajr ebda konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-akkademiċi”, dan hu l-kliem ta’ kundanna li ntuża mill-Assoċjazzjoni tal-Istaff Akkademiku fl-Universita’ ta’ Malta (UMASA) għall-mod kif il-Ministeru tal-Edukazzjoni ppubblika dokument li jimmina l-awtonomija tal-Universita’ ta’ Malta.
L-istqarrija tkompli li l-UMASA, minkejja li hemm xi proposti li huma innovattivi, tinsab ferm mħassba li l-Att dwar l-Universita’ li ġie propost qed jattakka prinċipji fundamentali – u hu għalhekk li l-UMASA qalet li hi kontra l-introduzzjoni ta’ Bord ta’ Governanza li se jkun qed jelimina l-awtonomija istituzzjonali tal-Universita’ ta’ Malta.
L-UMASA qalet li hemm bżonn ta’ aktar parteċipazzjoni mill-istaff akkademiku, u mhux inqas. Madanakollu, l-assoċjazzjoni sostniet li xorta waħda temmen li hemm bżonn li ssir reviżjoni tas-sitwazzjoni preżenti dwar ir-riċerka u l-ambjent li fih jaħdmu l-akkademiċi. Filfatt, l-UMASA tenniet li d-dokument propost bilkemm isemmi r-riċerka.
Fl-istqarrija, l-UMASA kkonkludiet li:
- B’mod qawwi hi kontra l-istituzzjoni ta’ Bord ta’ Governanza bil-mod kif ġie propost fid-dokument;
- Hi mħassba ħafna li fid-dokument m’hemm l-ebda artiklu li jirreferi għall-irwol ta’ riċerkaturi u akkademiċi;
- Tappoġġja l-introduzzjoni ta’ limitazzjonijiet fit-terminu tal-uffiċji u tipproponi miżuri aktar demokratiċi, bħal elezzjonijiet biex jinħatru d-Dekani u r-Rettur;
- Tipproponi l-introduzzjoni ta’ Bord tal-Appelli; u
- Tistenna li hi jkollha sehem fid-diskussjoni u tfassil tal-White Paper għall-Att dwar l-Universita’.
L-UMASA qalet li hi se tkun qed tippreżenta l-pożizzjoni tagħha f’dokument lill-Ministru fis-sessjoni ta’ konsultazzjoni li jmiss nhar l-24 ta’ Novembru.
Intant, fi stqarrija, il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) wissa li din il-proposta se tipperikola l-awtonomija istituzzjonali tal-Università ta’ Malta. L-awtonomija hija kruċjali għaliha biex tiffunzjoni b’mod effettiv. L-istqarrija twissi li skont il-kriterji mniżżlin fid-dokument, il-membri maħtura mhux bil-fors ikollhom il-ħila jamministraw isitituzzjoni akkademika u wisq anqas l-għarfien tal-bżonnijiet tal-istess isitituzzjoni.
//= $special ?>