Liverpool kienu ferm viċin li, għall-ewwel darba sa mill-2008 jgħaddu għall-fażi tan-knockout taċ-Champions League meta ġew draw 3-3 barra minn darhom kontra Sevilla. Huma kienu 3-0 minn fuq u fit-tieni taqsima qalgħu tliet gowls biex issa jridu jistennew l-aħħar logħba tal-grupp kontra Spartak Moscow fejn iridu jieħdu punt biex jikkwalifikaw.
Wara biss minuta u nofs fetħu l-iskor b’gowl ta’ FIRMINO li skurja mill-viċin minn azzjoni ta’ corner u fit-22 minuta skurjaw gowl kważi fotokopja tal-ewwel wieħed. Din id-darba kien MANE li skurja b’daqqa ta’ ras minn azzjoni oħra ta’ corner.
Man-nofs siegħa logħob dehru li kienu ssiġillaw il-konfront b’gowl ieħor ta’ FIRMINO imma fil-51 minuta Sevilla naqqsu d-distakk b’gowl ta’ YEDDER b’daqqa ta’ ras. Erba’ minuti wara l-Ispanjoli għamluhom 3-2 b’penalty tal-istess YEDDER. Proprju fl-aħħar minuta, minn azzjoni ta’ corner kien PIZARRO li skurja biex salva punt għal Sevilla.
Fil-logħba l-oħra minn Grupp E bejn Spartak Moscow u Maribor ġew skurjati żewġ gowls lejn it-tmiem fid-draw ta’ 1-1.
Fit-82 minuta Spartak fetħu l-iskor b’gowl ta’ ZE LUIS imma mad-90 minuta kien Jasmin MESANOVIC li ġab id-draw.
Għall-ewwel darba fl-istorja, t-tim Tork ta’ Besiktas għadda għall-fażi tan-knockout taċ-Champions League wara li kiseb draw ta’ 1-1 kontra Porto.
Kienu dawn tal-aħħar li marru fil-vantaġġ kontra x-xejra tal-logħob b’gowl fid-29 minuta skurjat minn FELIPE. Qabel tmiem l-ewwel taqsima TALISCA ġab id-draw li fisser il-kwalifikazzjoni.
Tottenham iddefendew l-ewwel post ta’ Grupp Ħ meta rebħu 2-1 barra minn darhom kontra Borussia Dortmund. Dortmund fetħu l-iskor b’gowl ta’ AUBAMEYANG li kien qed jirritorna fit-tim wara li kien sospiż mill-klab minħabba raġunijiet dixxiplinarji.
Fil-31 minuta Harry KANE ġab id-draw b’xutt minn ġewwa l-kaxxa u kwarta mit-tmiem kien HEUNG-MIN li poġġa lill-Ingliżi fil-vantaġġ. F’logħba mill-istess grupp il-holders Real Madrid umiljaw lil APOEL Nicosia meta rebħulhom 6-0 fejn spikkaw RONALDO u BENZEMA b’żewġ gowls kull wieħed.
Il-liders tal-kampjonat Taljan, Napoli komplew żammew ħajjin it-tamiet li jgħaddu għar-rawnd li jmiss b’rebħa ta’ 3-0 kontra Shakhtar Donetsk, it-tim li hekk kif fadal logħba mill-gruppi qiegħed tliet punti fuqhom.
Mill-istess grupp, il-liders tal-kampjonat Ingliż, Manchester City rebħu 1-0 kontra Feyenoord b’gowl ta’ STERLING fl-aħħar żewġ minuti.
Riżultati
Grupp E
S.Moscow v Maribor 1-1
Sevilla v Liverpool 3-3
Grupp F
Man City v Feyenoord 1-0
Napoli v S.Donetsk 3-0
Grupp Ġ
Besiktas v Porto 1-1
Monaco v Leipzig 1-4
Grupp Ħ
APOEL v R.Madrid 0-6
B.Dortmund v Tottenham 1-2