Lokali

FILMAT: “In-nies m’għandhomx fiduċja fl-investigazzjonijiet li qed isiru” – Francis Zammit Dimech

“Sfortunatament ikolli ngħid li l-investigazzjonijiet li qed isiru bħalissa ma tantx għandhom fiduċja min-nies”, kliem il-Membru Ewroparlamentari Francis Zammit Dimech waqt intervista fi programm ta’ France24.

Francis Zammit Dimech semma’ kif in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili f’Malta qed jitlob ir-riżenja b’mod immedjat tal-Kummissarju tal-Pulizija. Fl-interventi tiegħu, hu stqarr li: “Aħna kellna ħames Kummissarji f’erba’ snin li lkoll kemm huma fallew milli jinvestigaw il-korruzzjoni”.

L-Ewroparlamentari tkellem ukoll dwar is-suġġet fuq livell Ewropew, fejn qal li l-Maltin jixtiequ li l-Kummissjoni Ewropea tkun aktar proattiva u tkun aktar attenta ta’ x’qed jiġri f’Malta.

Fl-istess programm ta’ France24, kien hemm ukoll l-Membru Parlamentari Ewropew Olandiża Sophie in ‘t Veld. Sophie in ‘t Veld tkellmet ukoll dwar is-sitwazzjoni f’Malta fejn qalet: “Kollox idur mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità – dan kollu jfisser is-saltna tad-dritt, qed tiġi aktar ċara l-fatt li din mhix xi ħaġa ta’ Malta, imma hija kwistjoni Ewropea għax jekk hemm xi ħaġa dgħajfa fil-komunità tal-liġi li tagħmel l-Unjoni Ewropea, mela l-Unjoni Ewropea kollha ma tibqax tiffunzjona.”

L-MEP Olandiża mill-Partit tal-Liberali u d-Demokratiċi Ewropej tenniet ukoll li kien hemm numru ta’ mistoqsijiet dwar il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-visas u għalhekk nafu l-flus minn fejn ġejjin.