Internazzjonali

Għexieren ta’ mejtin f’attakk suwiċida fin-Niġerja

Splużjoni minn aggressur suwiċida fil-belt ta’ Mubi, lejn il-grigal tan-Niġerja, ħalliet għexieren ta’ mejtin, fost indikazzjonijiet li li l-attakk tmexxa mill-grupp militanti Boko Haram.

L-aggressur – li jingħad li kien adolexxenti – tajjar l-isplussivi li kien qed iżomm fuq persuntu waqt l-attakk li seħħ ġo moskea pakkjata bid-devoti, matul it-talb ta’ filgħodu.

Il-belt ta’ Mubi tinsab fl-Istat ta’ Adamawa u n-nies tal-lokalità qalu li t-terrorista x’aktarx li kien parti mill-kongregazzjoni preżenti fil-moskea ta’ Madina.

L-awtoritajiet ikkonfermaw talanqas 50 mejtin fl-isplużjoni u ma eskludewx li ċ-ċifra titla’. Dan meta l-attakk ħalla wkoll numru ta’ midruba, uħud minnhom kritiċi, fil-moskea. Il-pulizija kienu għadhom qed jippruvaw jaċċertaw l-ammont eżatt tal-feruti peress li dawn kienu ttieħdu f’numru ta’ sptarijiet madwar iz-zona.

L-aggressjoni fil-moskea qed tissemma bħala l-aktar qalila għal snin fin-Niġerja.

Ħadd ma laħaq assuma responsabbiltà għall-attakk f’Mubi, iżda l-militanti tal-Boko Haram kemm il-darba wettqu splużjonijiet u attakki oħrajn fuq postijiet fit-Tramuntana tan-Niġerja li jkunu fullati bin-nies.