Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq:mill-ġdid  ‘sponsor’ tat-terrur….

 

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħabbar li pajjiżu poġġa mill-ġdid il-Korea ta’ Fuq fuq il-lista tal-Istati li jisponsorjaw it-terroriżmu, bid-dikjarazzjoni ssir disa’ snin wara li l-Koreani komunisti kienu tneħħew minn dik il-lista.

Trump qal, waqt laqgħa tal-Kabinett f’Washington, li dan il-pass għandu jwassal ‘għal sanzjonijiet kbar addizzjonali’ fil-konfront tar-reġim fi Pyongyang, iżda s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Rex Tillerson, sostna li ‘l-effetti prattiċi ta’ dan jistgħu jkunu limitati’.

Trump qed ikompli jakkuża lill-Korea ta’ Fuq dwar il-programm nukleari tagħha kif ukoll ‘għall-fatt li Pyongyang qed jappoġġja atti ta’ terroriżmu fuq livell internazzjonali’.

Il-Mexxej Amerikan qal li r-re-introduzzjoni tal-Korea ta’ Fuq dwar il-lista tal-pajjiżi li jisponsorjaw it-terroriżmu ‘messha saret ħafna żmien ilu’.

F’Settembru, l-Istati Uniti kienet ipproponiet numru ta’ sanzjonijiet min-Nazzjonijiet Uniti għal kontra l-Korea ta’ Fuq, b’dawn jinkludu projbizzjoni fuq iż-żejt u l-iffriżar tal-assi tal-Mexxej komunista, Kim Jong-un. Dan wara li l-Korea ta’ Fuq kienet wettqet is-sitt prova nukleari tagħha, minbarra li għamlet diversi provi oħra għall-missili.