Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, ġedded is-sejħa tiegħu għal soluzzjoni politika għall-gwerra fis-Sirja, waqt żjara rari f’pajjiżu mingħand il-President Sirjan Bashar al-Assad.
Meta kellem lil Assad fir-resort ta’ Sochi, il-President Putin qal li l-kampanja militari fis-Sirja qed tavviċina forma ta’ konklużjoni, iżda xorta waħda fadal aktar xi jsir għal dan il-pajjiż Għarbi li ilu jiffaċċja l-kalvarju ta’ gwerra mill-2011.
Il-qawwiet tal-ajru Russi li qegħdin jappoġġjaw lil Bashar al-Assad kontra r-ribelli fis-Sirja kienu strumentali biex il-Gvern ta’ Assad jieħu vantaġġ ċar fil-gwerra ċivili ta’ pajjiżu. Din il-laqgħa bejn Putin u Assad, intant, hi preludju għal sensiela ta’ taħditiet sinifikanti bejn ir-Russja u l-Iran, li huma sostenituri tas-Sirja, u t-Turkija, li qed tappoġġja lir-ribelli fl-artijiet Sirjani.
Dawn it-tliet potenzi fl-aħħar xhur kienu qed jikkooperaw biex iwaqqfu zoni għal kontroll aħjar tal-konflitt fis-Sirja, bil-għan li jitrażżan il-ġlied madwar dak il-pajjiż.
Il-President Putin qal ukoll li kien qed jaħseb biex ikellem lill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u lill-Emir tal-Qatar dwar riżoluzzjoni għall-konflitt tas-Sirja.
//= $special ?>


