Internazzjonali

Mugabe jirriżenja minn President taż-Żimbabwe

Robert Mugabe irriżenja minn President taż-Żimbabwe f’aħbar sorpriża li ħarġet ftit wara li kien beda smigħ ta’ impeachment kontra tiegħu f’Harare.

Il-konferma ta’ dan ingħatat mill-Ispeaker tal-Parlament taż-Żimbabwe, Jacob Mudenda, b’ittra li bagħat l-istess Mugabe tgħid li din kienet deċiżjoni volontarja u li ‘hu kien iddeċieda li jippermetti trasferiment ta’ poter mingħajr problemi’.

L-aħbar iġġenerat dimostrazzjonijiet ta’ ferħ spontanji fit-toroq ta’ Harare u madwar iż-Żimbabwe. Dan wara li Mugabe kien baqa’ iwebbes rasu u jiċħad li jirriżenja għal jiem konsekuttivi wara li l-Armata  ħadet ir-riedni tal-pajjiż, fost il-protesti tal-poplu kontra d-dittatur.

Robert Mugabe kien ilu fil-poter mill-jiem tal-indipendenza storika għaż-Żimbabwe li tmur lura għall-1980.

Il-Partit Zanu-PF, fil-Gvern, aktar kmieni llum kien beda proċeduri ta’ impeachment kontra Mugabe fil-Parlament ta’ Harare, qabel id-dibattitu relevanti. Dan meta l-istess Robert Mugabe kien akkużat li ‘ippermetta lil martu, Grace, biex tieħu l-poter kostituzzjonali li ma kienx id-dritt tagħha’.

Ftit wara ħarġet l-aħbar tar-riżenja ta’ Mugabe, li għandu 93 sena, minn mexxej fost it-tamiet li ż-Żimbabwe, issa, tistejqer mit-tensjoni u l-inċertezza.