Anzjana ta’ 70 sena li kienet mimduda fuq is-sodda tagħha fis-sular ta’ isfel f’darha f’Bormla, il-ġimgħa li għaddiet minn trawma kerha meta daħal fuqha ħalliel u qalilha li jekk ma tagħtihx il-flus li kellha, kien se joqtlilha ż-żewġt iqtates li għandha.
Il-ġurnal In-Nazzjon illum żvela kif l-anzjana, Josephine Grech, qalet lill-ħalliel li kulma kien fadlilha kienu €70 biss mill-pensjoni li bilkemm isserviha sal-aħħar tax-xahar, meta taslilha l-pensjoni li jkun imissha.
Il-ħalliel, flok fehem il-qagħda diġà diffiċli tal-anzjana, wissieha li kemm-il darba ma kinetx se tagħtih dawk is-€70 allura kien se joqtlilha ż-żewġt iqtates li għandha u li huma tant għal qalbha.
L-anzjana, imwerwra u xxukkjata b’dak li kienet għaddejja minnu, ma kellha l-ebda alternattiva għajr li lill-ħalliel tagħtih is-€70 li kellha u qaltlu li hi ma kellha xejn ta’ valur u li għalhekk seta’ jitlaq u jħalliha bi kwietha.
Fil-fatt il-ħalliel telaq ’il barra minnufih wara li għamel madwar għaxar minuti jqalleb fl-għamara tad-dar tal-anzjana li min-naħa tagħha ma setgħet tagħmel xejn iktar ħlief li titkarrablu biex joħroġ minn darha, bil-biża’ li peress li taf li ma setax isib aktar flus, idur fuqha u jweġġagħha.
Minn stħarriġ li għamel In-Nazzjon jirriżulta li kollox beda għall-ħabta tal-4pm meta l-anzjana marret timtedd fuq sodda li għandha fis-sular ta’ isfel.
Bħas-soltu, l-anzjana ma għalqitx il-bieb minn ġewwa biex jekk jiġu jżuruha xi familjari tagħha jew xi ġirien ikunu jistgħu jidħlu ġewwa minn jeddhom bla diffikultà. L-anzjana għandha diffikultà biex timxi fit-tul u għalhekk waranofsinhar tistrieħ ftit fuq is-sodda li għandha fis-sular ta’ isfel.
F’mument minnhom ħabbat il-bieb ta’ barra u xi ħadd qalilha li kien mar iżurha Uffiċjal mis-Sanità. Fil-pront hi sabet ma’ wiċċha raġel twil u b’xagħru griż, li qalilha biex tagħtih il-flus kollha li kellha u fil-pront beda jqallbilha mad-dar tagħha.
Il-ħalliel, filwaqt li wissieha biex ma tgħajjatx, kompla jqalleb id-dar tal-anzjana li kienet fi stat ta’ xokk kbir u beżgħet li l-ħalliel seta’ jsawwatha jew jerfa’ jdejh fuqha. Hi qaltlu bil-ħniena li kulma kellha kienu biss €70 li riedu jservuha sakemm tirċievi l-pensjoni li jmiss. Qaltlu li hi ma kellhiex oġġetti ta’ valur u li kienet mara fqira li tgħix minn jum għal ieħor bil-ftit pensjoni li tirċievi.
Hu ħadilha dawn il-flus li kellha u qalilha li kieku ma kinetx se tagħtihomlu kien joqtlilha ż-żewġt iqtates tant għeżież għaliha.
Meta telaq il-ħalliel minn darha, l-anzjana spiċċat tirtogħod bil-qatgħa kbira li kellha fuqha.
Immedjatament, l-anzjana ħarġet barra ssejjaħ għall-għajjut minħabba x-xokk kbir li kellha fuqha. Hi ngħatat l-ewwel għajnuna minn xi ġirien tagħha fi Triq Bormla.
Fil-post waslu wkoll il-Pulizija, li bdew l-istħarriġ tagħhom dwar dan il-każ. Huma tkellmu fit-tul mal-anzjana, li ppruvat mill-aħjar li setgħet tiddeskrivi lill-ħalliel, anki kif ftit sekondi wara li kien ħareġ minn darha hi semgħet lil xi ħadd jistartja karozza u jaħrab minn fuq il-post.
Sadanittant, il-Pulizija talbu l-għajnuna ta’ xi residenti ġirien, partikolarment ta’ wħud li għandhom stallata s-sistema tas-CCTV biex hekk jiksbu aktar tagħrif dwar dan il-ħalliel li fid-dawl tax-xemx daħal fid-dar ta’ din l-anzjana, werwirha u serqilha l-uniċi €70 li kellha li bihom kienet qed tistinka biex tlaħħaq sal-aħħar tax-xahar.
//= $special ?>