Għall-ħabta ta’ nofsinhar, tressaq quddiem il-Qorti Kriminali Emmanuel Navarro ta’ 66 sena, akkużat li hedded lill-Membru Ewroparlamentari Roberta Metsola fuq il-media soċjali. Emmanuel Navarro wieġeb mhux ħati wara li hu ġie akkużat li fuq Facebook kiteb li Roberta Metsola għandha tiġi maħruqa ħajja.
F’isem l-imputat Emmanuel Navarro, deher il-Prokuratur Legali Peter Paul Zammit, fejn dan stqarr li l-arrest kien ġustifikat madanakollu saħaq li hu jum iswed għall-pajjiżna li f’Malta ttella’ l-Qorti raġel ta’ 66 sena taħt arrest għax kiteb fuq Facebook. Minn naħa tagħha, l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irrispondiet u qalet li mhux biss hu jum iswed għall-pajjiżna, iżda jum orribbli u tal-biża meta n-nies jibdew jitkellmu dan it-tip ta’diskors u jistqarru li jixtiequ jaraw lil ħaddieħor jinħaraq. Il-Maġistrat kompliet ukoll li bħala difiża dan l-argument ma jagħmilx sens għaliex il-Prokuratur Legali ammetta f’isem Emmanuel Navarro li l-arrest kien ġustifikat.
L-ispettur Elton Taliana stqarr f’isem il-prosekuzzjoni li ma jistax jippermetti li bħala Pulizija jitħalla li jsir diskors bħal dan fil-pubbliku, u għaldaqstant oġġezzjoni għall-ħelsien mill-arrest.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti rrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u Emmanuel Navarro nżamm arrestat abbażi li l-imputat uża kliem jew imġieba ta’ theddid, abbużivi u insolenti filwaqt li bl-użu tal-media hedded li jagħmel reat. Il-Qorti ħadet inkosiderazzjoni wkoll li fil-5 t’April li għadda, l-istess Emmanuel Navarro nstab ħati ta’ reat ieħor.
Il-Maġistrat ordnat ukoll tinħareġ Protection Order favur l-MEP Roberta Metsola.
Parte Civile għall-Membru Ewroparlamentari Roberta Metsola dehru l-avukati Jason Azzopardi u Karol Aquilina.
//= $special ?>