Internazzjonali

Taħditiet fl-eqqel tal-kriżi politika fil-Ġermanja

 

Il-kriżi politika bla preċedent fil-Ġermanja qed tkun trattata fost taħditiet li qed jitħejjew bejn il-Presdient Ġermaniż, Frank-Walter Steinmeier, u l-mexxejja politiċi, bil-għan li l-pajjiż ikollu Gvern ġdid f’Berlin.

Din il-kriżi laħqet livell rari wara li, fil-bidu tal-ġimgħa, ikkrollaw it-taħditiet għall-formazzjoni ta’ Gvern magħmul mill-entità konservattiva taħt it-tmexxija tal-Kanċillier, Angela Merkel; il-Ħodor u d-Demokratiċi Ħielsa(FDP).

Steinmeier ħeġġeġ lill-kapijiet politiċi biex jerġgħu jaħsbu l-pożizzjonijiet tagħhom u jippruvaw mill-ġdid li jiffurmaw Gvern. Intant, il-President Ġermaniż se jiddiskuti żblokk potenzjali mal-Kapijiet tal-Ħodor u d-Demokratiċi Ħielsa.

It-Tmexxija tas-Soċjal Demokratiċi taċ-ċentru-xellug, li kienu s-sieħba ta’ Merkel fil-Gvern li wasal biex jispiċċa, qalu li huma se jinsistu ‘biex ma jiffurmawx parti minn xi amministrazzjoni ġdida li titmexxa minn Merkel’.

L-aħħar indikazzjonijiet, b’hekk, huma li l-Ġermanja tista’ tagħżel, ‘il quddiem, bejn Gvern ta’ minoranza inkella elezzjonijiet nazzjonali bikrija.

Minkejja li qed tiffaċċja l-aktar theddida serja għall-pożizzjoni tagħha mindu laħqet Kanċillier ( aktar minn għaxar snin ilu) Angela Merkel qed tirrifletti xorta kalma kbira u anki dehret li konsolidat l-awtorità fi ħdan il-Partit CDU tagħha.

Fil-fatt, is-Soċjal Demokratiċi jidhru aktar f’periklu ta’ ‘diżgwid intern’ meta wħud jistgħu huma aktar favorevoli għal ‘koalizzjoni oħra kbira’ mas-CDU milli hu l-Kap, Martin Schulz.