Tliet irġiel Torok inżammu arrestati wara li daħlu fl-ibħra Maltin mingħajr ma avżaw lill-awtoritajiet. Quddiem il-Qorti, it-Torok ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom hekk kif huma stqarru li daħlu fl-ibħra Maltin bil-bastiment u ma kellhomx ċans javżaw lill-awtoritajiet Maltin hekk kif nqalawhom problemi tekniċi fil-magna tal-bastiment.
Il-Pulizija quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li dan kien każ verament sfortunat, għaliex il-persuni abbord il-bastiment inqabdu fuq baħar imqalleb – iżda madanakollu huma qalu li s’issa ma inspezzjonawx jekk verament il-magna kellhiex ħsara.
Id-difiża talbet biex l-imputati jingħataw il-ħelsien mill-arrest, fejn saħansitra saret it-talba biex huma jgħixu fuq il-bastiment tagħhom li qed jinżamm mill-Pulizija fil-Port il-Kbir max-Xatt tal-Belt Valletta.
Madanakollu, il-Maġistrat rrifjutat din it-talba, u minflok żammet lill-istess Torok imputati taħt arrest sakemm tittieħed deċiżjoni hekk kif dawn jistgħu jintalbu jħallsu sa’ massimu ta’ €11,000 f’multa. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li għalissa t-tliet persuni se jinżammu arrestati hekk kif m’għandhom l-ebda rabta ma’ Malta u wisq anqas l-ebda konferma li mhux se jaħarbu bil-bastiment jekk jingħataw il-permess li jgħixu għandu.
//= $special ?>