Id-deċiżjoni tal-PBS li jwaqqaf lil Claudette Buttigieg milli tippreżenta il-programm “Sellili” fl-2012 kienet “infondata u illegali”.
Dan ħareġ minn sentenza tat-Tribunal Għar-Reviżjoni ta’ Deċiżjonijiet Amministrattivi fi proċeduri li Claudette Buttigieg kienet fetħet fil-konfront tal-istazzjon nazzjonali. Dan wara li Claudette Buttigieg – illum Deputat tal-Partit Nazzjonalista u Deputat Speaker – kienet infurmata li mhux se titħalla tkompli tippreżenta l-programm fuq TVM wara li ħabbret li kienet se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-2013 f’isem il-PN.
Claudette Buttigieg kienet ħabbret il-kandidatura tagħha fis-17 ta’ Settembru 2012. L-għada, il-bord editorjali tal-PBS bagħat email lill-kumpanija deemedia.tv, li kienet tipproduċi l-programm, li Claudette Buttigieg mhux se tkompli tippreżenta “Sellili” wara l-1 ta’ Ottubru. Claudette Buttigieg kellha kuntratt ma’ deemedia sa Ġunju 2013 u konsegwentement fetħet proċeduri kontra l-PBS, il-Bord Editorjali u deemedia.tv tfittex kumpens għad-danni.
It-Tribunal, presedut mill-Maġistrat Charmaine Galea, sema’ li l-programm Sellili ma kellu ebda kontenut politiku jew ta’ ġrajjiet kurrenti, li Claudette Buttigieg kienet informata bid-deċiżjoni mingħajr ma ngħatat iċ-ċans li tagħti l-versjoni tagħha kif ukoll li din id-deċiżjoni kienet waslet għal tbatija finanzjarja konsiderevoli għaliex il-programm kienu l-uniku sors ta’ introjtu tagħha.
Barraminhekk, ftit jiem wara din id-deċiżjoni, l-Awtorita’ tax-Xandir biddlet ir-regolamenti biex issa, kandidati prospettivi bħal Claudette Buttigieg setgħu ikomplu bix-xogħol tagħhom jekk dan kien l-impjieg ewlieni. Iżda minkejja dan, il-Bord tal-PBS ma sejjaħx lura lil Buttigieg.
Għaldaqstant, it-Tribunal immexxi mill-Maġistrat Galea u l-Avukati David Fabri u Antoine Naudi, ikkonkluda li d-deċiżjoni tal-PBS kienet infondata, abbużiva u illegali. Madanakollu, biex tingħata kumpens għad-danni, Claudette Buttigieg trid tiftaħ kawża quddiem il-Qrati ordinarji.
Sadanittant, fi stqarrija, il-PBS qal li se jappella mid-deċiżjoni għaliex hu tal-fehma li tmur kontra l-“obbligi ta’ bilanċ u imparzjalita’ imposti mill-Kostituzzjoni” fuq l-istazzjon tal-Istat.”
//= $special ?>