Bil-bnadar fil-pjazza jittajjru mezza lasta u mad-daqq tan-noti kiebja tal-marċi funebri, iż-Żejtun sellem għall-aħħar darba lis-Sindku tiegħu, Joe Attard, li ħalla din id-dinja nhar is-Sibt 18 ta’ Novembru li għadda.
Attard kien President tal-Għaqda Banda Żejtun u Sindku tal-istess lokalità għal dawn l-aħħar 39 u 21 sena rispettivament. Serva ukoll fl-eżekuttiv tal-Għaqda Każini tal-Banda f’dan l-aħħar 5 snin.
L-Għaqda Banda Żejtun ħejjiet korteo funebri li beda mit-Teatru Pandora tal-istess Għaqda, fejn kien espost għal dan l-aħħar siegħat, tul iċ-ċentru storiku taż-Żejtun sal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina. Tul it-triq ingħata tislima quddiem il-binja tal-Kunsill Lokali u l-Każin tal-istess banda.
L-Arċipriet, Dun Nikol Pace, mal-kleru tal-Parroċċa ċċelebraw l-quddiesa funebri, li fiha Dun Nikol saħaq kemm il-familja kienet għażiża għalih. Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, u għadd ta’ deputati parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra ngħaqdu mal-familjari u l-ħbieb f’din l-aħħar tislima.
Wara l-funeral, il-Banda Żejtun waslet il-katavru saċ-Ċimiterju ta’ San Girgor fejn saret id-difna.
//= $special ?>