Sport Sport Ieħor

Jinkisru tliet rekords importanti fil-Kampjonat tal-kwart ta’ mil

Jonathan Galea għamel rekord tad-dinja fil-kampjonat tal-kwart ta' mil b’magna Toyota

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, kien organizzat il-Kampjonat Nazzjonali tal-kwart ta’ mil f’Ħal Far fejn miksura rekord tad-dinja, tal-ewropa u nazzjonali. F’dan il-kampjonat, kien hemm numru sabiħ ta’ sewwieqa fosthom sewwieqa li ħadu sehem għall-ewwel darba. It-temp ħarbat l-ewwel jumejn tal-avveniment, iżda s-Sibt u l-Ħadd kollox mexa b’ritmu tajjeb.

Is-Sibt, permezz tad-dragster ta’ Antoine Schembri, Jonathan Galea għamel rekord tad-dinja meta saq il-kwart ta’ mil f’6.491 sekondi b’veloċità ta’ 202.5 mil fis-siegħa b’magna Toyota b’erba’ ċilindri. Dan ir-rekord saħansitra kien irrapurtat f’siti tad-drag racing madwar id-dinja.

Il-Ħadd, Nathan Bartolo għamel rekord Ewropew meta saq il-Mazda RX7 f’6.89 sekondi biex b’hekk kienet l-ewwel rotary engine li ġriet taħt is-seba’ sekondi fl-ewropa.

Is-sewwieq tal-mutur Glenn Borg kiser ir-rekord nazzjonali fil-klassijiet Top Fuel Bike u Open Classi. Hu saq il-kwart ta’ mil bil-mutur turbo tiegħu f’6.76 sekondi, b’veloċità ta’ 201 mil fis-siegħa. B’dan il-ħin, Borg għandu s-sitt l-aħjar ħin fl-ewropa.

Minbarra dawn ir-rekords, diversi sewwieqa tejbu l-ħinijiet personali tagħhom fosthom Chantelle Zammit li hi l-aktar sewwieqa beloċi femminili f’pajjiżna. F’dan l-avveniment ħadu sehem Duncan Micallef, Franklyn Borg u Simon Giordimaina li għadhom kemm temmew l-avventura tagħhom fl-ewropa fejn Micallef kien dikjarat in-numru wieħed tat-Top Fuel Dragster tal-ewropa, filwaqt li Borg u Giordimaina spiċċaw it-tielet bil-mutur Hyabusa. Dawn tal-aħħar kienu ta’ attrazzjoni għal diversi spettaturi.

L-attenzjoni  tad-dilettanti tal-motorsport se ddur lejn il-membri tal-Island Car Club, li huma l-organizzaturi tal-Kampjonat tal-Hillclimb. Il-Ħadd se jagħmlu esebizzjoni tal-karozzi tagħhom mit-8.00am ‘il quddiem. Dan hu avveniment mhux tas-soltu fejn se tingħata opportunità lill-pubbliku biex igawdi dawn il-karozzi mill-viċin kif ukoll ikun jista’ jitkellem mas-sidien u s-sewwieqa tagħhom.