Lokali

‘Kelma ta’ Ħabib’ – il-5 anniversarju tal-ordinazzjoni episkopali tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

F’okkażjoni tal-5 anniversarju tal-ordinazzjoni episkopali tal-Arċisqof Charles J. Scicluna nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Novembru,  fis-6:30 p.m., l-Arċisqof mistenni jiċċelebra Quddiesa fil-Knisja Arċipretali tal-Mosta, fil-bidu tal-Assemblea Djoċesana 2017. Kulħadd hu mistieden jingħaqad mal-Arċisqof għal din il-Quddiesa.

Matul l-Assemblea Djoċesana li ser issir fil-Katekumenju, il-Mosta, ser jitnieda ‘Kelma ta’ Ħabib’, it-tieni volum tal-ktieb bid-diskorsi u l-omeliji tal-Arċisqof Scicluna. Dan il-ktieb ta’ aktar minn 700 paġna, inkluż 50 paġna ta’ ritratti, jiġbor id-diskorsi li saru bejn Novembru 2015 u l-Festa ta’ Kristu Sultan 2016.

Il-ktieb jinkludi bosta riflessjonijiet dwar il-ħniena ta’ Alla, fid-dawl tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena li sejjaħ il-Papa Franġisku. Fid-diskors tiegħu, Mons. Scicluna jitkellem dwar diversi realtajiet importanti partikolarment għas-soċjetà Maltija, fosthom l-ambjent, il-valuri tad-djalogu, l-għaqda, il-libertà u l-karità. Il-ktieb jinkludi wkoll l-aħħar tislima lill-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca.

Il-ktieb fih indiċi analatiku li jgħin lill-qarrej isib it-tagħlim tal-Arċisqof fuq suġġett partikolari, u numru ta’ QR codes (Quick Response), fejn bl-użu tal-ismartphone l-qarrej jista’ jara wkoll l-filmat taċ-ċelebrazzjoni fuq YouTube.

Dan il-ktieb huwa ta’ ispirazzjoni u joffri għajnuna biex in-Nisrani u kull bniedem ta’ rieda tajba jimxi fit-triq tal-fedeltà u tal-verità.

‘Kelma ta’ Ħabib’ jista’ jinxtara matul l-Assemblea Djoċesana jew mill-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Il-ktieb huwa sponsorjat mill-APS Bank.

Intant il-Knisja ħeġġet lill-Insara sabiex dakinhar jitolbu għal Mons. Arċisqof biex il-Mulej jagħtih l-għajnuna meħtieġa fil-qadi tal-ministeru tiegħu bħala r-Ragħaj tal-Knisja f’Malta.