It-Taqsima Festi Rurali se tbiddel lir-razzett tal-Gvern fl-Għammieri f’Villaġġ tal-Milied nhar il-Ħadd 10 ta’ Diċembru. L-attività se tibda fid-9.00am b’quddiesa bil-prietka tal-Milied u anamita mill-kor tal-Mużew taż-Żurrieq.
Fost l-attrazzjonijiet prinċipali f’dan il-villaġġ, wieħed jista’ jsib esebizzjoni ta’ presepji u pasturi fil-kappella, rikbiet fuq ħmar u żiemel liebsin tal-okkażjoni, ritratti mal-istess annimali u annimali oħra fir-razzett bħal-lama u ċerva, u ritratt ma’ Santa Klaws fil-ħanut tax-xogħol tiegħu. Il-Klabb Nazzjonali tal-Fniek qed iħejji kompetizzjoni ta’ pets imblissin u se joħloq wesgħa biex tintuża bħala petting farm. Wieħed jista’ jsib għadd ta’ prodotti ta’ artiġġjanat lokali u jitgħallem kif isiru l-pasturi u l-iskultura fil-ġebel.
Varjetà ta’ talent lokali se tallegra lill-pubbliku li se jattendi, partikolarment kantanti, żeffiena, maġija u anki l-banda. Ma jonqsux ukoll il-ħlewwiet u x-xorb tradizzjonali tal-Milied bħall-imbuljuta, kejkijiet tal-Milied, minced pies u inbid imsaħħan bil-ħwawar. Għall-bejgħ ukoll għadd ta’ ġugarelli, ponsjetti u tiżjin ieħor tal-Milied.
//= $special ?>