Ratko Mladic, li kien il-kmandant tal-forzi Serbi Bosnijaċi, kien ikkundannat għal għomru l-ħabs. Dan minħabba ġenoċidju u atroċitajiet oħra li twettqu matul il-gwerra fil-Bosnja matul is-snin disgħin.
Mladic kien mexxa personalment il-forzi Serbi Bosnijaċi matul il-massakru ta’ Srebrenica, l-agħar massakru fl-Ewropa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija – u l-assedju ta’ Sarajevo.
Hu kien ikkundannat minn tribunal speċjali f’The Hague, l-Olanda, għar-reati li twettqu fl-eks-Jugoslavja. Hu nstab ħati għal għaxar akkużi mill-11 li tressqu kontrih.
Mladic, li għandu 74 sena, ma kienx fl-awla meta nqrat is-sentenza. Dan peress li nħareġ mill-awla wara li ftit qabel beda jgħajjar lill-Imħallfin. Hu rrabja wara li l-Imħallfin ma laqgħux talba li saret mill-avukati tiegħu biex jitwaqqfu l-proċeduri minħabba l-pressjoni għolja tad-demm tiegħu.
F’Srebrenica, f’Lulju tal-1995, madwar 8,000 ġuvni u raġel Bosnijaku Musulman inqatlu mit-truppi taħt il-kmand ta’ Mladic wara li dawn ħadu l-kontroll tal-belt min-Nazzjonijiet Uniti.
Mladic kundannat għal għomru l-ħabs


