Lokali

Politika li tirrifletti l-bżonnijiet tan-nies – Adrian Delia

Il-Kumitati u l-kunsilliera għandhom ikunu għodod ewlenin fit-tfassil tal-politika. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa mal-Kumitati Sezzjonali tal-Ewwel u t-Tmien Distrett.

Adrian Delia qal li biex il-politika tkun tassew relevanti u ssir minn isfel għal fuq, in-nies iridu jkunu parteċipi b’mod sħiħ billi jikkontribwixxu l-ideat u l-fehmiet tagħhom. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jagħti vuċi lin-nies fil-lokalitajiet diversi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsta qal li m’hawnx Malta waħda għal kulħadd għax nies f’postijiet differenti għandhom bżonnijiet differenti. Huwa tenna li hija mportantili l-politiċi jisimgħu il-perspettiva tan-nies fid-Distretti differenti biex tassew ifasslu politika relevanti.

Adrian Delia qal li dawn id-djalogi liberi se jkomplu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin u l-Partit Nazzjonalista se jara li dak li joħroġ minn dan il-proċess ikun rifless fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.