Lokali

Wara l-mewt ta’ Toto Riina: Ismu żvelat mal-Pulizija Maltija f’interrogazzjoni dwar hold-up imdemmi

ARCHIV - Mafia-Boss Toto Riina, aufgenommen bei seiner Festnahme am 16.1.1993 in Palermo. Italiens einst meist gefürchteter Mafia-Boss könnte das Gefängnis unter Umständen wegen seines schlechten Gesundheitszustands bald verlassen. Salvatore «Toto» Riina, der ehemalige Anführer der sizilianischen Cosa Nostra, habe wie jeder Häftling das «Recht auf einen Tod in Würde», urteilte das oberste italienische Gericht am 05.06.2017. (zu dpa "Italiens berüchtigter Mafia-Boss Riina könnte Gefängnis verlassen" vom 05.06.2017) Foto: -/epa ansa/dpa +++(c) dpa - Bildfunk+++

Il-ġurnal in-Nazzjon illum żvela li Toto Riina, il-Kap tal-Mafja ġewwa Sqallija li kien qiegħed iservi 26 sentenza ta’ għomor il-ħabs u li miet fil-jiem li għaddew, spiss kien iżur il-gżejjer Maltin u kellu ħbiberija qawwija u partikulari ma’ persuna Maltija (raġel) u hemm suspett qawwi li miegħu kienu jkunu ppjanati l-hold-ups il-kbar f’Malta f’dik l-era.

Eks Fizzjal għoli fil-Korp tal-Pulizija li mmilita għal bosta snin fid-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) qal lil In-Nazzjon li lejn tmiem is-snin tmenin u l-ewwel snin tas-snin disgħin, Malta kienet intlaqtet minn mewġa ta’ hold-ups kbar organizzati li fihom kienu jieħdu sehem l-istess klikka ta’ ħallelin li kienu jaslu għal kollox. Parti minn din il-klikka ta’ rġiel li saħansitra fis-satra tal-lejl kienet daħlet fid-dar tal-koppja anzjana Briffa, rabtithom u dawn mietu u l-ħallelin setgħu jisirqu dak kollu li sabu.
Imma kienet mewġa ta’ serq anki minn Banek u minn stabbilimenti oħrajn u meta l-Pulizija rnexxielha tkisser dak iċ-ċirku ta’ kriminalità organizzata, wieħed minnhom kien talab li jagħmel stqarrija bil-ġurament fil-preżenza tal-Maġistrat Silvio Meli, tas-Supretendent Joseph Cachia u tal-Ispettur John Rizzo.

Id-dar kbira fi Triq iż-Żewwieqa fil-Qala… faċċata tal-Belveder… fejn jingħad li Toto Riina kien ikun spiss għall-kenn minħabba li kien imfittex mill-Pulizija Taljana

Stqarrija importanti lill-Pulizija Maltija

Dan il-ħalliel partikulari li llum hu mejjet u li wara l-hold-up fuq il-Mid Med Bank ta’ Pembroke kien spiċċa weħel għaxar snin ħabs, f’jum minnhom waqt li kien għadu ma tressaqx il-Qorti kien stqarr fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid, numru ta’ affarijiet partikulari. Dan invista ta’ interrogazzjoni li kienet saritlu preċedentement u li fiha kien semma’ l-isem ta’ Toto Riina – u hu kien jaf li hu l-Kap tal-Mafja fi Sqallija – u kien stqarr li kellu tagħrif tanġibbli li dan Toto Riina kellu ħbiberija kbira ma’ Malti li kien jiftaħar li jaf b’ħafna lingwi, inkluż il-Latin, il-Portugiż u l-Ispanjol.

Kien ingħad ukoll li kien hemm suspett qawwi li dan il-Malti mbagħad kien imexxi ċirku ta’ kriminali – ħallelin – li kienu jattakkaw il-postijiet li kien jindikalhom hu. Dawk fil-fatt kienu jkunu serqiet ta’ ċertu kobor.
Jirriżulta eventwalment – u dan meta Geroge Grech kien il-Kummissarju tal-Pulizija – li l-Pulizija kienet bdiet tagħmel xogħol ta’ intelligence f’Għawdex b’rabta mal-informazzjoni li kienet daħlitilha fis-sens li Toto Riina kien jiġi spiss f’Malta u kellu residenza partikulari f’Għawdex fejn mhux biss kien joqgħod, imma minfejn kien jiġġestixxi l-ħidma mafjuża tiegħu direttament relatata ma’ kwistjonijiet interni fi Sqallija, ma’ kummerċ fil-Mediterran u ma’ negozji illeċiti oħrajn.

Intervent immedjat mill-Ministru Louis Galea

Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon fissru li llum għaddew aktar minn tletin sena minn dawk il-ġrajjiet, iżda iva jiftakru kif saħansitra l-Ministru Louis Galea li kien responsabbli mill-Intern, kien ta struzzjonijiet ċari biex il-Pulizija tiġbor l-informazzjoni kollha relatata… fejn hi din ir-residenza, min kien qiegħed jiffrekwentaha, eċċ
Dan kollu kien qiegħed jiġri bi frekwenza sakemm imbagħad Toto Riina kien arrestat f’Palermo wara tfittxija għalih li ħadet aktar minn 24 sena. Fil-fatt Toto Riina kien imfittex mill-Pulizija Taljana u kien hemm talba internazzjonali għalih.
Kien minħabba f’hekk li l-Pulizija Maltija kienet bdiet tagħmel xogħol ta’ intelligence dwar dan kollu u dan ix-xogħol kien beda jsir mill-membri tat-Taqsima tas-Sigurtà li kienet twaqqfet lejn tmiem is-snin tmenin b’rabta ma’ intelligence dwar droga. F’dik it-Taqsima partikulari kien hemm membri mill-Pulizija, l-Armata u d-Dwana.
Dwar dan ilbieraħ tkellimt ukoll mal-eks Ministru Louis Galea li qalilna li hu għandu amment kif kien issemma’ l-isem ta’ Toto Riina iżda hu kien ta ordnijiet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jaħdmu fuq dan il-każ billi jiġbru l-informazzjoni kollha possibbli.

Toto Riina… il-Kap tal-Kapijiet… il-bniedem bla qalb… il-bniedem li ordna l-qtil ta’ għexieren ta’ nies innoċenti u ta’ oħrajn li kienu ta theddida għall-imperu tiegħu

Tfittxija twila għal Toto Riina

Min-naħa tagħha l-Pulizija Taljana kienet qed tfittex lil Toto Riina għal sensiela twila ta’ reati mill-aktar serji, fosthom minħabba li skont l-awtoritajiet Taljani kien hu li ordna l-qtil ta’ aktar minn 150 persuna.

Darba arrestat Toto Riina, allura fl-1993, kien inżamm taħt sigurtà massima u l-proċess tiegħu fil-Qorti kien ħa numru ta’ xhur sakemm finalment kien sentenzjat għal għomor il-ħabs għal 26 darba. Tul is-snin li kien miżmum arrestat u fil-ħabsijiet, dejjem inżamm iżolat u ftit kien jingħata l-opportunità li jkun ħieles barra ċ-ċella tiegħu.

Toto Riina kien meqjus għall-awtoritajiet Taljani bħala monstru li ma kien jiddejjaq minn xejn. Kap tal-Mafja li l-ordnijiet tiegħu jew ikunu segwiti, inkella min ma jobdihom tmiss lilu x-xorti li jinqatel hu.

Toto Riina, li meta miet il-ġimgħa l-oħra kellu 87 sena, miet kaġun ta’ marda tal-kanċer u kien rikoverat fi sptar-ħabs ġewwa Parma. Hu miet imdawwar mill-familja tiegħu wara konċessjoni għal dan mill-Ministeru Taljan tal-Ġustizzja. Tul il-ħamest ijiem ta’ qabel mewtu, Toto Riina kien diġà f’koma.

Bħala l-Kap Numru Wieħed ta’ Cosa Nostra, Toto Riina dam imfittex għal 24 sena sħaħ u wieħed mill-postijiet li kien juża’ biex jaħrab mill-Ġustizzja kien Għawdex fejn ta’ spiss kien ikun f’residenza partikulari.

Jirriżulta lura għall-bidu tas-snin disgħin li fil-pubbliku diġà kien hemm xamma kbira li Toto Riina kien spiss fis-snin ta’ qabel imur Għawdex u joqgħod f’residenza partikulari.

Baldassare di Maggio jikkollabora mal-Pulizija

Jirriżulta li dawk l-għajdut kienu korraborati wkoll minn Baldassare di Maggio, ix-xufier ta’ Toto Riina, meta kien interrogat fit-tul mill-Maġistratura Taljana.

Kien suspettat li dik ir-residenza partikulari fil-Qala Għawdex kienet reġistrata fuq l-isem ta’ Ninetta Bagheria li kienet il-mara ta’ Toto Riina.

Il-korrettezza ta’ dak l-indizju qatt ma kienet verifikata, iżda Għawdxin fil-Qala kienu jgħidu li f’residenza partikulari kien ikun hemm movimenti minn Sqallin u dan hu dovut għal-lingwa li biha kienu jitkellmu u għalhekk l-Għawdxin kienu għarfu li dawk kienu frustieri.

Jekk dik il-proprjetà partikulari kenitx mixtrija minn Toto Riina fuq isem terzi persuna qatt ma kienet ivverifikata, iżda li hu minnu hu li dik l-istess proprjetà kienet iva tintuża minn Sqallin f’perjodu differenti tas-sena.

Interessanti ħafna kien il-fatt li fl-istess żminijiet ta’ qabel ma’ Toto Riina kien inqabad, f’intervista li kien ta l-Maġistrat Antonino Caponnetto kien żvela li l-Mafja ta’ Sqallija kienet qed issib lil Malta komda biex fiha jitwaqqfu kumpaniji offshore ħalli mbagħad jintużaw għat-traffikar tal-ingotti tad-deheb.

Imlaqqam bħala ‘Il-Kap tal-Kapijiet’, Toto Riina jibqa’ meqjus bħala fost l-agħar mexxejja li l-Mafja qatt kellha tant li dan kien wasal biex iddikjara gwerra kontra l-Istat.

Hu kien direttament wara l-bombi kbar li kienu splodew f’Ruma, f’Milan u f’Firenza li ħallew għexieren ta’ persuni innoċenti mejta. Kien ukoll wara l-qtil ta’ żewġ Imħallfin Taljani – Giovanni Falcone u Paolo Borsellino… liema qtil kienu xokkjaw lill-Ewropa kollha.

Il-qtil ta’ Giovanni Falcone

Giovanni Falcone (Palermo, Italja, 18 Mejju 1939 – Palermo, 23 Mejju 1992) kien Maġistrat Taljan. Maqtul flimkien ma’ martu u mal-bodyguards tiegħu mill-Mafja, jitqies bħala eroj Taljan, bħal Paolo Borsellino, li tiegħu kien ħabib u kollega.

Fl-1991 Giovanni Falcone, mar Ruma bħala diretturi tal-affari penali biex jaħdem għat-twaqqif tas-Superprocura. Ħass il-bżonn li jinvolvi iktar lil politiċi importanti fil-ġlieda kontra l-mafja. Iżda fit-23 ta’ Mejju 1992 ġrat l-i”Strage di Capaci” li fiha Giovanni Falcone nqatel mill-Mafja flimkien ma’ martu u l-iskorta.

Kien sejjer Palermo lura minn Ruma, kif kien jagħeml dejjem fi tmiem il-ġimgħa. L-ajruplan tas-servizz telaq mill-ajruport ta’ Ciampino fil-16:45 u wasal Punta Raisi wara vjaġġ ta’ 53 minuta. Kien hemm jistennewh tliet karozzi Fiat Croma blindati, bi grupp ta’ bodyguards taħt il-kap tal-isquadra mobile ta’ Palermo, Arnaldo La Barbera.

Kif niżel mill-ajruplan, Giovanni Falcone mar isuq il-Croma bajda, u fis-seat ta’ ħdejh qagħdet Francesca Morvillo filwaqt li x-xufier Giuseppe Costanza qagħad fis-seat ta’ wara. Fil-Croma ħamra kien hemm Vito Schifani, Antonio Montinaro u Rocco Dicillo, u f’dik blu Paolo Capuzzo, Gaspare Cervello u Angelo Corbo. Quddiem kien hemm il-ħamra, imbagħad il-bajda misjuqa minn Falcone, u fl-aħħar il-blù. Xi ħadd ċempel lill-qattiela li Falcone kien telaq mill-ajruport biex jilħqu jlestu l-isplussiv.

Il-karozzi qabdu l-autostrada fid-direzzjoni ta’ Palermo. Ma daqqewx sireni, kollox deher trankwill. Tmien minuti wara, fis-17:58, ħames mitt kilo ta’ TNT imqiegħda f’mina mħaffra taħt it-triq, ġew sploduti permezz ta’ remote control minn Giovanni Brusca, mafjuż fuq ordni ta’ Totò Riina. Falcone ma mietx mill-ewwel imma siegħa wara fl-isptar ħabba ħafna emoraġiji interni.

Il-qtil ta’ Paolo Borsellino

Min-naħa tiegħu Paolo Borsellino (Palermo 19 ta’ Jannar 1940 – Palermo 19 ta’ Lulju 1992) kien Maġistrat Taljan, vittma tal-Mafja. Meqjus bħala eroj Taljan, bħal Giovanni Falcone, li kien ħabib u kollega kbir tiegħu.

Il-mod tiegħu kif jaħdem, il-kariżma tiegħu u l-impenn tiegħu kien jittieħed; miegħu ingħaqdu bl-istess ħeġġa u kuraġġ diversi maġistrati żgħażagħ. Il-pentiti bdew jitkellmu u bdew jieħdu forma l-indaġni fuq il-konnessjonijiet bejn mafja u politika. Minn dak il-mument l-attakki fuq Paolo Borsellino ma waqfu qatt.

Sadattant Giovanni Falcone, mar Ruma bħala direttore tal-affari penali biex jaħdem għat-twaqqif tas-Superprocura. Ħass il-bżonn li jinvolvi iktar lil politiċi importanti fil-ġlieda kontra l-mafja. Iżda f’Mejju 1992 ġrat l-i”Strage di Capaci” li fiha Giovanni Falcone nqatel mill-Mafja flimkien ma’ martu u l-iskorta.

It-telfa ta’ Giovanni Falcone lil Paolo Borsellino tagħtu wisq ġewwa; ir-rabta li kellu ma’ Giovanni Falcone kienet waħda qawwija u antika. Għal tant snin ħadmu flimkien, kielu flimkien u ċċajtaw flimkien. Ħajja speċjali, dik taż-żewġ ħbieb-maġistrati, mimlija passjoni u mħabba lejn art twelidhom. Żewġ karattri differenti, imma kumplimentari, wieħed iktar razzjonali u l-ieħor iktar passjonali, iżda t-tnejn li huma b’kariżma kbira, b’rieda qawwija u b’ispirtu eżemplari.

Dak iż-żmien Paolo Borsellino reġa’ kien qed jaħdem f’Palermo u baqa’ hemm minkejja li kien jaf li l-mument tiegħu ukoll ma kienx fil-bogħod. U kważi xahrejn wara, nhar id-19 ta’ Lulju 1992 Paolo Borsellino mar sa Villagrazia biex jirrilassa daqsxejn. Mar bid-dgħajsa ma’ wieħed mill-ftit ħbieb li kien baqagħlu. Wara l-ikel mar Palermo biex jakkumpanja lil ommu għal għand it-tabib.

Imma splużjoni ta’ karozza-bomba taħt id-dar ta’ Via D’Amelio neħħiet il-ħajja tal-imħallef Paolo Borsellino u ta’ erba’ rġiel u mara tal-iskorta.

Darba kien maqbud u kien fil-ħabs, xorta waħda hu baqa’ b’xi mod jeżerċita l-influwenzi li kellu fuq is-suditti tiegħu tant li kien ordna l-qtil ta’ iben persuna partikulari – tifel li kien għad kellu tlettax-il sena biss – li mhux biss inqatel iżda ġismu kienu tpoġġew fl-aċtu. U dan kollu bħala twissija mill-istess Toto Riina.