Internazzjonali

Xokk dwar bejgħ ta’ skjavi fil-Libja

Antonio Guterres

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, esprima xokk u stmerrija għall-filmati li allegatament qegħdin juru immigranti li ġejjin mill-pajjiżi ta’ taħt is-Sahara li qed jinbiegħu bħala skjavi fil-Libja.
‘L-iskjavitu m’għandu l-ebda post fid-dinja tal-lum’, tenna Guterres, li sostna li ‘l-azzjonijiet ibbażati fuq dan l-abbuż jistgħu jammontaw għal reati kontra l-umanità’.
Antonio Guterres sejjaħ biex l-awtoritajiet kompetenti fil-Libja jinvestigaw l-allegazzjonijiet bir-reqqa mingħajr dewmien u biex in-nies responsabbli mill-abbuż jitressqu għall-ġustizzja. Dan waqt li l-entitajiet relevanti tan-Nazzjonijiet Uniti kienu mitluba biex jinvestigaw il-każ b’mod attiv.
Is-Segretarju Ġenerali tan-NU, fl-istess ħin, appella mill-ġdid biex il-komunità internazzjonali tingħaqad fil-ġlieda ‘kontra din il-pjaga’.