Lokali

Appoġġjat ir-rikors biex Silvio Valletta jitneħħa mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili fi stqarrija sostniet li tappoġġja lill-familja Caruana Galizia fit-talba tagħhom għat-tneħħija tal-Assistent Kummissarju Silvio Valletta mill-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fl-istqarrija s-soċjetà ċivili sostniet li “minħabba li l-Assistent Kummissarju Valletta hu r-raġel ta’ Ministru, dan jinfluenza l-oġġettività u l-imparzjalità meħtieġa f’dawn iċ-ċirkostanzi.”

L-istqarrija ħarġet wara li l-Familja ta’ Daphne Caruana Galizia l-Erbgħa ppreżentat rikors Kostituzzjonali quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija fejn qed jingħad li l-involviment tad-Deputat Kummissarju Silvio Valletta, li hu miżżewweġ ma’ Ministru fil-Kabinett tal-Gvern, fl-investigazzjoni tal-qtil tagħha, qed iwassal għal ksur tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.

L-Avukat Peter Caruana Galizia, armel ta’ Daphne, u uliedhom Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia, fir-rikors qalu li d-Deputat Kummissarju Valletta hu Persuna esposta politikament għaliex huwa miżżewweġ lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.  Ir-rikors ikompli li l-istess Deputat Kummissarju Valletta hu wkoll membru maħtur fuq il-bord tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) u fil-kors tax-xogħol investigattiv tagħha, kemm il-Ministru Caruana, l-FIAU kif ukoll id-Deputat Kummissarju Valletta innifsu, kienu ta’ spiss is-suġġett ta’ kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia.

Is-soċjetà ċivili qalet li “Malta diġà hija ferm politiċizzata. L-aħħar ħaġa li jonqsu l-pajjiż hu nuqqas ta’ fiduċja f’dawk li suppost jiddefendu l-istat tad-dritt. Silvio Valletta, tkompli l-istqarrija, għandu jkollu l-kuraġġ u d-diċenza li jirtira mill-każ.”

Il-Familja ta’ Daphne Caruana Galizia fir-rikors qalet ukoll li d-dritt tal-ħajja ipoġġi wkoll l-obbligu li l-familja tal-vittma ikunu infurmati dwar l-andament, il-proċess u t-tmexxija tal-istess investigazzjoni. Jirriżulta li mhux talli l-familja Caruana Galizia mhux qed tinżamm infurmata dwar l-andament tal-investigazzjoni mill-Pulzija, talli “fil-gazzetti jidhru diversi leaks dwar dak li qed jiġri fl-investigazzjoni”.

Ir-rikors jitlob il-Qorti tiddikjara  li l-involviment tad-Deputat Kummissarju Silvio Valletta fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qed jikser id-dritt għall-ħajja għaliex hu nieqes mill-imparzjalita’ u l-indipendenza li hi meħtieġa f’investigazzjoni ta’ telf ta’ ħajja.

Ir-rikors kien iffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.