Meta ċeda saqaf fl-isptar Monte Karmeli, saħansitra b’ritratt tat-terrappien f’sala partikolari, inġiebet għall-attenzjoni aktar minn qatt qabel is-sitwazzjoni mwiegħra li jinsab fih dan l-isptar, u l-kundizzjoni ħażina tal-infrastruttura.
Ir-ritratt tat-terrapien mis-saqaf ċedut ħasad lil kulħadd, tant li kien wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-ritratt li l-media reġgħet bdiet tirrapporta bi prominenza s-sitwazzjoni f’Monte Karmeli.
Madanakollu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne bħal donnu nesa li ċeda saqaf f’Mount Carmel, għax waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qal li l-attenzjoni tal-media daret fuq Mount Carmel għax il-Gvern beda jagħmel xi ħaġa biex itejjeb is-sitwazzjoni.
“Ironikament, l-attenzjoni tal-media qegħda fuq Mount Carmel għax issa, wara snin twal ta’ telqa, bdejna nagħmlu xi ħaġa,” qal Fearne. “Meta l-Gvern, issa, beda jagħmel xi ħaġa u bdew jidhru x-xogħlijiet, allura kien hemm min beda jirrapporta li hemm dawn ix-xogħlijiet,” żied jgħid. “Li qed tirrapporta l-media hwua li issa beda x-xogħol”.
Ix-xogħlijiet li kien qed jirreferi għalihom Chris Fearne huma dawn il-kolonni tal-bricks u ħadid, li qed jintużaw biex jappoġġjaw is-soqfa dgħajfa ta’ uħud mis-swali.
Sadanittant, fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, li għaliha attenda wkoll id-Deputat u l-blogger Laburista Glenn Bedingfield, staqsejna lid-Deputat Prim Ministru dwar id-diċeriji mill-Partit Laburista dwar min jista’ jieħu post Joseph Muscat jekk dan iżomm kelmtu u ma jikkontestax it-tielet elezzjoni ġenerali – hekk kif kollox jindika li fil-Partit Laburista qed jitwieldu numru ta’ fazzjonijiet, fosthom waħda b’appoġġ lejn Chris Fearne.
“Jien kemm-il darba mort on record inħeġġeġ lil Joseph Muscat jibqa’ mexxej fis-snin li ġejjin,” qal Chris Fearne waqt li farfar mill-mistoqsija u rrifjuta jgħid jekk ikunx interessat li joħodlu postu f’każ ta’ elezzjoni għal Mexxej Laburista.