Bil-vot kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, il-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat qed ikompli jinsisti li jdaħħal avviż legali li huwa inkonsistenti mal-liġi Maltija, u dan kollu biex jipprova jwaqqaf lill-Oppożizzjoni milli tagħti free-vote fil-Parlament fuq suġġetti bħall-iffriżar tal-embrijuni, il-gamete donation u s-surrogacy.
Spjega dan id-Deputat Stephen Spiteri waqt il-programm NET Live, meta fisser għaliex il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni kontra legal notice tal-Gvern li tagħti mitt siegħa leave għal min imur jagħmel l-IVF barra minn Malta.
Filwaqt li għal darba, darbtejn, Stephen Spiteri qal li l-Partit Nazzjonalista m’huwiex kontra l-mitt siegħa leave, spjega li l-legal notice hija inkonsistenti mal-liġi.
Stephen Spiteri qal “indunajna li jekk aħna mhux se nressqu mozzjoni li tirrigwardja lil din il-legal notice, se nkunu qegħdin ma nagħtux każ il-persuni li jmorru barra minn pajjiżna u jużaw mezzi bħall-embryo freezing, gamete donation, u
surrogacy li ġewwa pajjiżna m’humiex regolati bil-liġi u li f’Malta huma llegali. Kieku appoġġjajna l-avviż legali konna qed inkunu, mingħajr ma nagħtu każ, intuhom mitt siegħa leave bħallikieku dawn l-affarijiet li semmejt huma regolati f’pajjiżna.
Madanakollu, id-Deputat Stephen Spiteri għamilha ċara li affarijiet bħall-iffriżar tal-embrijuni, gamete donation u surrogacy għandhom jiġu diskussa fil-Parlament – fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia diġà ddikkjara li se jagħti free vote dwarhom.
Għaldaqstant, l-Oppożizzjoni ma setgħet qatt taċċetta avviż legali li tagħti permess li dawn isiru meta f’Malta huma llegali. Jekk xejn, l-ewwel ghandha tinbidel il-liġi propja dwar il-protezzjoni tal-embrijuni.
Stephen Spiteri ghamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista m’huwiex kontra l-mitt siegħa leave għal min irid imur jagħmel l-IVF barra, jew kontra l-IVF innifsu, tant li kien Gvern Nazzjonalista stess li daħħal il-liġi tal-IVF u jekk hemm bżonn, jingħataw aktar siegħat leave għal min għandu bżonn. Imma dan m’għandux isir b’mod li bil-moħbi, f’pajjiżna jiddaħħlu l-iffriżar tal-embrijuni, il-gamete donation u s-surrogacy mingħajr dibattitu serju u possibilment ‘free vote’ dwarhom fil-Parlament.
Stephen Spiteri temm jgħid li jinsab dispjaċut bil-mod kif il-Gvern Laburista dawwar dan is-suġġett sensittiv f’ballun politiku.
//= $special ?>