Internazzjonali

FILMAT: Suldat tal-Korea ta’ Fuq jaqsam il-fruntiera f’xeni drammatiċi

Fl-aħħar sigħat ħareġ filmat ta’ suldat tal-Korea ta’ Fuq li rnexxielu jaqsam mill-fruntiera fortifikata tal-Korea u fejn spiċċaw isalvawh it-truppi tal-Korea t’Isfel.

Dan is-suldat kellu jiffaċċja periklu kbir meta l-eks-kollegi militari tiegħu fetħu n-nar għal fuqu waqt li hu kien qed jiġri mill-fruntiera. Fil-fatt, dan is-suldat ġarrab diversi feriti u bħalissa jinsab rikoverat fi sptar fil-Korea t’Isfel. Il-każ partikulari kien seħħ fit-13 ta’ Novembru li għadda, bil-filmat tiegħu qed joħroġ proprju issa.

Il-filmat li ħareġ il-Kmand tan-Nazzjonijiet Uniti taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti juri suldat tal-Korea ta’ Fuq qed jippersisti wara s-suldat li kien ħarab tul il-linja ta’ demarkazzjoni militari. Is-suldat tal-Korea ta’ Fuq mal-ħin jidher li qed jaqta’ qalbu u, fuq il-filmat, jidher qed jirritorna fit-territorju kontrollat mill-Korea komunista. Is-suldat li ħarab, imbagħad, jispiċċa salvat mit-truppi tal-Korea t’Isfel f’sitwazzjoni perikoluża għalihom, qabel is-suldati tal-Korea ta’ Fuq jirtiraw mix-xena. Hu rari ħafna li t-truppi tal-Korea ta’ Fuq jaqsmu għan-naħa l-oħra tal-fruntiera.