Lokali

F’Malta: 700 każ ta’ vjolenza domestika fis-sena

F’Malta jkun hawn mas-700 każ ta’ vjolenza domestika fis-sena, u dawn apparti dawk il-każijiet li jibqgħu ma jiġux rapurtati. Dettalji dwar dan ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li saret bi tħejjijja għall-Jum Dinji kontra l-Vjolenza Domestika ta’ nhar is-Sibt 25 ta’ Novembru.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament, li kienet organizzata mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, ingħataw dettalji dwar il-qagħda tal-vjolenza domestika f’Malta, fejn is-sena li għaddiet, kważi 98% tal-każijiet ta’ vjolenza domestika rapurtati kienu fuq nisa.

Roberta Agius, mill-Fondazzjoni, spjegat lil In-Nazzjon li normalment min iwettaq din il-vjolenza – li tista’ tkun kemm fiżika kif ukoll psikoloġika. “Il-maġġor parti jkun il-partner, ir-raġel jew inkella irġiel oħra fil-ħajja tal-persuna li jwettqu l-vjolenza domestika,” spjegat Agius.

“Qed ikollna inċidenza, li dwarha ftit qed jitkellmu, ta’ vjolenza domestika f’relazzjonijiet bejn koppji tal-istess sess u f’relazzjonijiet b’koppji magħmulin minn barranin,” żiedet tgħid waqt li enfasizzat l-importantza li anke dawn jersqu għas-servizzi mogħtija mill-entitajiet soċjali. Roberta Agius spjegat li l-agħar każ ta’ vjolenza domestika huwa meta jkun hemm riskji kbar li l-agressur saħansitra joqtol lill-persuna, tant li jżomm armi d-dar apposta.

Il-konferenza tal-aħbarijiet tmexxiet mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, li sejjaħ għal aktar leġislazzjoni kontra l-vjolenza domestika waqt li nnota kif 55% tan-nisa kollha xi darba għaddew minn esperjenza ta’ vjolenza domestika.

Waqt il-konferenza, li għaliha attenda l-Ministru tas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti, ġie spjegat ukoll li qed jiżdiedu r-rapporti ta’ vjolenza domestika minn tfal fuq il-ġenituri tagħhom.

L-istess konferenza kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Speaker u Deputat tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg, li tkellmet tliet punti importanti fid-diskussjoni dwar dan is-suġġett.

“L-ewwelnett l-importanza li nħarsu lit-tfal imma wkoll li naraw kif nistgħu ngħinu wkoll lit-tfal li jwettqu huma l-vjolenza domestika fuq il-ġenituri tagħhom. It-tieni nett, l-importanza li min jikkommetti l-att vjolenti jieħu piena xierqa li tirrifletti l-gravità ta’ din il-vjolenza; imma fuq kollox l-impenn politiku,” spjegat Claudette Buttigieg.

Dwar dan, il-kelliema kollha qablu li l-impenn politiku għandu jkun akbar, b’liġijiet aktar effikaċi u effettivi fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika.