Fl-ewwel partita ta’ ħbiberija kontra l-Emirati Għarab Magħquda, it-tim nazzjonali tan-nisa kiseb rebħa ta’ 4-0.
Fis-Centenary Stadium ilbieraħ wara nofsinhar it-tfajliet Maltin immexxija mill-kowċ Mark Gatt skurjaw tliet darbiet fl-ewwel taqsima u ieħor wara l-mistrieħ f’partita li ddominaw mill-bidu sal-aħħar.
Kienet Dorianne Theuma li fetħet l-iskor fit-13-il minuta meta kkontrollat fil-kaxxa il-kross ta’ Rachel Cuschieri u sparat fir-rokna tax-xibka. Il-Maltin skurjaw tnejn oħra qabel tmiem l-ewwel taqsima.
L-ewwel kienet Jade Flask li sabet ix-xibka wara li laħqet through-pass u għelbet lill-gowlkiper avversarja b’xutt fil-baxx.
Dorianne Theuma għamlithom tnejn fil-ħin miżjud hekk kif skurjat penalty li kien intħata wara fawl fuqha stess.
L-aħħar goal skurjatu s-sostitut Raina Giusti fis-70 minuta wara li qabżet lill-gowlkiper.
Ir-referee tal-partita kienet it-Taljana Graziella Pirriatore.
It-tieni partita ser tintlagħab nhar il-Ħadd li ġej fl-10am fis-Centenary Stadium.
//= $special ?>