Futbol Sport

Ħarsa dettaljata lejn it-timijiet li għaddew għat-Tazza tad-Dinja tal-2018

Madwar ġimgħa u nofs ilu saru magħrufa t-timijiet kollha li għaddew għat-Tazza tad-Dinja li se ssir sena oħra fir-Russja.

It-tlugħ tal-poloz tal-gruppi tal-fażi finali jsiru fl-1 ta’ Diċembru. Dakinhar se jkun hemm erba’ pots bi tmien timijiet kull wieħed.

Il-post tat-timijiet fil-pots ġew assenjati skont l-aħħar rankings tal-FIFA għal Ottubru. It-timijiet fl-istess pot ma jistgħux jiltaqgħu kontra xulxin fil-fażi tal-gruppi.

L-edizzjoni fir-Russja se tibda fl-14 ta’ Ġunju bil-finali tkun fil-15 ta’ Lulju.

Dan l-artiklu se jagħti ħarsa dettaljata lejn it-32 tim li għadda għat-Tazza tad-Dinja.

ĠERMANJA
Il-kowċ tal-Ġermanja Joachim Low se jipprova jsir l-ewwel kowċ ta mill-1938 li jkun rebaħ it-Tazza tad-Dinja darbtejn infila u minn kif qed juru l-affarijiet dan hu tragward ferm possibbli għalih. Fis-sajf li għadda Low għamel użu minn diversi plejers ġodda waqt it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet u dawn spikkaw bil-kbir hekk kif rebħu t-turnament.
Minkejja li t-tim Ġermaniż kellu diversi plejers titulari neqsin il-qawwa tat-tim xorta waħda kienet evidenti u ma tkunx sorpiża jekk fis-sajf li ġej il-Ġermanja jerġgħu jsiru champions tad-dinja.
L-aħħar darba li l-Ġermanja tilfet partita kien fl-2016 kontra Franza.

BRAŻIL
Il-plejers Brażiljani jidhru li qed jirkupraw sew mit-trawma li għaddew minnha meta fl-2014, f’pajjiżhom stess tilfu 7-1 fis-semifinali tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Ġermanja. Fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni taħt il-kowċ Tite huma kellhom wirjiet ferm pożittivi. Ironikament, f’Marzu li ġej dawn jerġgħu jilagħbu logħba ta’ ħbiberija kontra l-istess Ġermanja u dakinhar wieħed ikun jaf aktar sa fejn wasal it-tim Brażiljan. La darba l-Brażil jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja dawn dejjem ikunu meqjusa fost il-favoriti.

SPANJA
Wara snin ta’ dominju fix-xena internazzjonali, Spanja ma tantx marru tajjeb fl-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja imma jidher li x-xogħol li qed jagħmel il-kowċ Julen Lopetegui qed iħalli l-frott. Fl-iskwadra ta’ Julen Lopetegui hemm diversi plejers ġodda li diġa’ huma ta’ fama mondjali. Bla dubju jekk Spanja jridu jirbħu t-Tazza tad-Dinja jridu jaħdmu aktar fuq id-dipartiment tad-difiża.

FRANZA
Il-kowċ ta’ Franza Didier Deschamps għandu biċċa xogħol iebsa biex sena oħra jagħżel 23 plejer biex imorru r-Russja. Bil-logħob li urew Franza f’dawn l-aħħar snin wieħed bla dubju jista’ jikkunsidra il dan it-tim fost il-favoriti. Sena ilu huma kienu fem viċin li jirbħu l-Kampjonat Ewropew u din id-darba se jippruvaw jagħmlu pass ieħor.

BELĠJU
Il-Belġju hu wieħed mill-aktar timijiet bi plejers ta’ kwalità. Bla dubju l-kowċ Roberto Martinez se jkun qed jibbaża l-logħob tiegħu fuq l-attakkant Romelu Lukaku li riċentament sar l-aqwa skorer fl-istorja ta’ pajjiżu. Jekk il-Belġju jridu jkunu fost il-protagonisti fit-Tazza tad-Dinja jridu jaħdmu aktar fuq id-dipartiment tad-difiża.

PORTUGALL
Wara li fl-2016 rebħu l-Kampjonat Ewropew, il-Portugall kellhom jistennew kważi sal-aħħar biex ikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja. Is-suċċess li kisbu l-Portugiżi sena ilu kien wieħed mhux mistenni u għal darba oħra, anke jekk huma champions tal-Ewropa, żgur mhux se jkunu fost il-favoriti.

NIĠERJA
F’dawn l-aħħar snin in-Niġerjani iddiżappuntaw bil-kbir hekk kif naqqsu milli jikkwalifikaw għal żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani imma din id-darba, grazzi għall-kowċ Ġermaniż Gernot Rohr dawn għamluha mal-aħħar 32 fir-Russja.
Fl-2014 in-Niġerjani kienu ssorprendew meta waslu sal-aħħar 16 fit-Tazza tad-Dinja u żgur se jippruvaw jirrepetu l-wirjiet li kellhom fil-Brażil.

POLONJA
Il-Polonja se jkunu wieħed mit-timijiet seeded u dan żgur se jkun fattur favur tagħhom. Huma sabuha faċli biex għaddew għat-Tazza tad-Dinja u wieħed jistenna li dawn se jkunu fost it-timijiet li jkunu fir-rawnds tan-knockout. Importanti li ma jkunux wisq dipendenti fuq l-attakkant Robert Lewandowski.

ARĠENTINA
L-Arġentina hu bla dubju l-aktar tim li sofra telfiet f’mumenti kruċjali f’dawn l-aħħar snin. Huma tilfu darbtejn il-finali tal-Copa America kontra ċ-Ċili u fl-2014 tilfu l-finali tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Ġermanja. It-turnament ta’ sena oħra fir-Russja mistenni jkun l-aħħar ċans għal Lionel Messi biex jirbaħ it-Tazza tad-Dinja.

URUGWAJ
L-Urugwaj kellhom wirjiet mill-aqwa fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni u spiċċaw fit-tieni post fiz-zona tal-Amerika t’Isfel. Id-dipartiment tal-attakk tal-Urugwaj hu wieħed mill-aqwa fost it-timijiet li se jkunu qed jikkompetu fir-Russja. Il-kowċ Oscar Tabarez jrid jaħdem fuq id-difiża.

MESSIKU
Taħt it-tmexxija tal-kowċ Juan Carlos Osorio l-Messiku tjiebu ħafna fil-wirjiet tagħhom. Fis-sajf li għadda huma kienu ferm viċin li jgħaddu għall-finali tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet. Iċ-ċansijiet li jgħaddu għall-fażi tan-knockout se jiddependi ħafna mit-tlugħ tal-poloz tal-gruppi f’Diċembru li ġej.

IŻLANDA
Dan hu t-tim li f’dawn l-aħħar snin li spikka u ssorprenda lil kulħadd. Huma ikkwalifikaw għall-ewwel darba għal turnament maġġuri meta għaddew għall-Euro 2016 u dawn komplew jiktbu l-istorja billi eliminaw lill-Ingilterra. Kienu ħafna dawk li qalu li din kienet biss okkażjoni imma l-Iżlandiżi komplew jibbrillaw u għaddew għat-Tazza tad-Dinja anke jekk kienu fi grupp magħmul mill-Kroazja, mill-Ukrajna u mit-Turkija.

KROAZJA
Minkejja li kienu meqjusa bħala t-tim favorit li jirbaħ il-grupp fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni, il-Kroazja mhux talli ma rebħux il-grupp imma anke kellhom jistennew sal-aħħar logħba biex jaċċertaw mit-tieni post. Huma għamlu dan wara li għelbu lill-Ukrajna jiem wara li l-kowċ Ante Cacic kien diġa’ tkeċċa mill-kariga.
Huma kellhom bżonn play-off kontra l-Greċja biex għaddew għat-Tazza tad-Dinja u jridu jitjiebu ferm fil-prestazzjonijiet tagħhom jekk jekk-il darba jridu jaqtgħu figura tajba.

INGILTERRA
It-tim nazzjonali Ingliż qatt ma sofra biex ikkwalifika għat-turnaments maġġuri imma l-problema kienet li dejjem jikkrollaw fil-mument tal-verità. Issa la darba dawn qegħdin taħt it-tmexxija ta’ Gareth Southgate wieħed irid jara jekk l-istorja hux se tkun waħda differenti. It-turnament fir-Russja se jkun wieħed għall-Ingilterra mingħajr plejers bħal ma huma Terry, Ferdinand u Gerrard.

SENEGAL
Ħafna qed jemmnu li t-tim tas-Senegal hu wieħed mit-timijiet Afrikani li kapaċi joffri sorpriża fit-turnament tas-sena li ġejja. 14-il sena ilu s-Senegal kienu ħasdu lil kulħadd u waslu sal-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja. Minn dak li urew s’issa s-Senegal waqt il-fażi ta’ kwalifikazzjoni jidher li dan it-tim hu l-aktar wieħed b’ċans li jirrepeti dawk il-wirjiet.

ŻVEZJA
Ir-rebħa kontra l-Italja fil-play-offs kienet is-simbolu tal-vjaġġ qalbieni li kellu dan it-tim fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni. L-Iżvediżi se jkunu qed jikkompetu fit-Tazza tad-Dinja għall-ewwel darba sa mill-2006 u se jkunu qed jagħmlu dan mingħajr l-attakkant Zlatan Ibrahimovic. Ħafna ħasbu li wara li dan il-plejer irtira minn man-nazzjonali it-tim kien se jmur lura imma dan ma kienx il-każ.

DANIMARKA
Id-Daniżi mhux se jkunu fost l-aktar timijiet b’saħħithom fir-Russja. Fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni huma ma impressjonawx u kien biss fil-play-off li qamu għall-okkażjoni u ġabu fix-xejn lill-Irlanda. L-aħħar darba li dawn qatgħu figura tajba fit-Tazza tad-Dinja kien fl-1998 meta dakinhar waslu sal-kwarti tal-finali.

MAROKK
Din se tkun l-ewwel darba sa mill-1998 li l-Marokk se jkunu qed jieħdu sehem fit-Tazza tad-Dinja. Tajjeb wieħed jinnota li l-Marokk mhux biss għaddew imma lanqas biss sofrew gowl fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni. Il-kowċ Hervé Renard hu bla dubju s-sigriet wara dan is-suċċess. Il-Marokk żgur mhux se jkunu r-Russja għan-numru imma biex iħallu mpatt.

SERBJA
Skwadra mimlija bi plejers ta’ talent li iżda ma tafx lil min se jkollha jmexxiha fit-Tazza tad-Dinja. Dan wara li f’Ottubru li għadda, minkejja li t-tim kien diġà kkwalifika għat-Tazza tad-Dinja, Slavoljub Muslin tkeċċa mill-kariga. Għalissa t-tim hu f’idejn Mladen Krstajic.

KOLOMBJA
Minkejja li għaddew għat-Tazza tad-Dinja għamlu dan b’mod imqanżah u jekk it-tim ma jurix titjib ikun f’riskju li jiddiżappunta bil-kbir fir-Russja. Bla dubju l-akbar problema tal-Kolombja hu d-dipartiment tal-attakk.

EĠITTU
Din se tkun l-ewwel darba sa mill-1990 li l-Eġittu se jkunu qed jieħdu sehem fit-Tazza tad-Dinja. Il-prestazzjonijiet tal-Marokk barra minn darhom xejn m’huma konvinċenti u ilhom sa minn Frar li għadda ma jirbħu. Fl-2018 il-Marokk se jippruvaw jaslu għall-ewwel darba sa fażi tan-knockout tat-Tazza tad-Dinja.

ŻVIZZERA
L-Iżvizzeri bdew il-fażi ta’ kwalifikazzjoni fuq nota tajba imma naqqsu mir-ritmu u kellhom jistennew sal-play-off kontra l-Irlanda ta’ Fuq biex aċċertaw mill-kwalifikazzjoni. Il-kowċ Vladimir Petkovic għandu numru ta’ plejers ta’ kwalità imma jrid isib il-bilanċ fit-tim. Għall-kuntrarju ta’ dak li seħħ fl-2014 l-Iżvizzera mhux qegħdin mal-ogħla seeds u dan jaf jagħmel il-ħajja aktar diffiċili.

PERU
Il-Peru kienu l-aħħar tim li għadda għat-Tazza tad-Dinja wara li fil-play-off elimijaw lil New Zealand. Il-Peru se jkunu qed jittamaw li jirrepetu l-wirjiet li kellhom sentejn ilu fil-Copa America meta dakinhar spiċċaw fit-tielet post.

RUSSJA
F’dawn l-aħħar snin ir-Russja kellha nuqqas ta’ stabbiltà fit-tim. Il-ħsieb kien li Fabio Capello jmexxi lit-tim waqt l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja imma mhux biss Capello warrab mill-kariga imma anke Leonid Slutsky li mexxa lit-tim waqt l-Euro 2016.
Sena ilu r-Russja kienu sfaw eliminati mill-fażi tal-gruppi tal-Kampjonat Ewropew u minn dakinhar ‘l hawn ħatru kowċ ieħor, lil Stanislav Cherchesov. Minkejja li l-FA Russa qed timmira li t-tim jasal tal-anqas sas-semifinali, l-affarijiet juru li se tkun diffiċli għat-tim biex jgħaddi mill-gruppi, anke jekk hu fost l-ogħla seeds.

COSTA RICA
It-tim li se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-kowċ Oscar Ramirez hu wieħed mimli esperjenza iżda ta’ min jinnota li l-Costa Rica jsibuha diffiċli la darba jilagħbu kontra timijiet Ewropej. Il-Costa Rica mistennija jkunu wieħed mit-timijiet ta’ pot 3 li se joffru sfida denja lil kwalunkwe avversarju.

IRAN
L-Iran, taħt it-tmexxija tal-ekskowċ ta’ Manchester Utd, Carlos Queiroz sabuha faċli biex aċċertaw minn post fit-Tazza tad-Dinja. Madankollu jekk dawn iridu jiksbu riżultati tajbin fit-turnament li se jsir fir-Russja bla dubju jridu jaħdmu ferm fuq il-fażi difensiva.

ĠAPPUN
Il-Ġappun hu wieħed mit-timijiet li wieħed jistenna li dan se jkun fost dawk li jiddiżappunta. Minkejja li fit-tim hemm plejers li jilagħbu fl-Ewropa l-ebda minnom ma huma ta’ klassi mondjali. Il-kowċ Vahid Halilhodzic se jkun taħt pressjoni biex imexxi lit-tim sa tal-anqas il-fażi tan-knockout.

TUNEŻIJA
Wara li naqqsu milli jgħaddu għal żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja, it-Tuneżija issa ikkwalifikaw għat-turnament fir-Russja. Il-kowċ Nabil Maaloul, li beda jmexxi lit-tim f’April li għadda se jkollu biċċa xogħol iebsa biex jgħin lil dan it-tim imur tajjeb f’turnament maġġuri. Fi 12-il darba li ħadu sehem fit-Tazza tad-Dinja huma rebħu biss logħba.

KOREA T’ISFEL
Tim li minkejja li għadda għat-turnament prestiġjuż, hu tim nieqes minn plejers ta’ kwalità, ħlief Son Heung-min ta’ Tottenham. Il-kowċ Shin Tae-yong, li ilu fil-kariga sa minn Lulju li għadda, għandu biċċa xogħol iebsa biex jgħin lil dan it-tim jaqta’ figura tajba fit-Tazza tad-Dinja.

PANAMA
Din se tkun l-ewwel darba li l-Panama se jikkompetu fit-Tazza tad-Dinja. Filwaqt li dawn m’għandhomx esperjenza fit-Tazza tad-Dinja, il-kowċ Hernán Gómez għandu esperjenza vasta hekk kif fil-passat mexxa lill-Kolombja u lill-Ekwador fl-aktar turnament prestiġjuż tal-futbol.

L-ARABJA SAWDIJA
Minkejja li l-Arabja Sawdija għaddew għat-Tazza tad-Dinja żgur li se jsibuha diffiċli fir-Russja. Dan għaliex jekk wieħed iħares lejn l-istatistika jinduna li ilhom diversi snin ma jirbħu barra minn darhom.

AWSTRALJA
Għar-raba’ darba konsekuttiva l-Awstraljani se jilagħbu fit-Tazza tad-Dinja wara li rebħu play-off kontra l-Honduras. It-tim Awstraljan żgur ma jridx jibbaża ħafna fuq Tim Cahill għax inkella l-kowċ Ange Postecoglou se jkollu l-problemi.

It-timijiet li għaddew għall-fażi finali:
Pot 1

Russja
Ġermanja
Brażil
Portugall
Arġentina
Belġju
Polonja
Franza

Pot 2
Spanja
Perù
Żvizzera
Ingilterra
Kolombja
Messiku
Urugwaj
Kroazja

Pot 3
Danimarka
Iżlanda
Costa Rica
Żvezja
Tuneżija
Eġittu
Senegal
Iran

Pot 4
Serbja
Niġerja
Awstralja
Ġappun
Marokk
Panama
Korea t’Isfel
Arabja Sawdija