Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) wissa liż-Żimbabwe dwar il-ħtieġa ‘li taqla malajr l-ekonomija mill-ħofra attwali’ waqt li tinsisti għall-aċċess għall-għajnuna finanzjarja internazzjonali.
Gene Leon, li jservi bħala l-kap tal-missjoni tal-IMF għaż-Żimbabwe, sostna li l-infiq u d-djun barranin tal-Gvern f’Harare huma għoljin wisq u jeħtieġu riforma strutturali.
Min-naħa tiegħu, Emmerson Mnangagwa, li qed iħejji biex jieħu r-riedni taż-Żimbabwe wara l-era tal-eksdittatur, Robert Mugabe, impenja ruħu biex jiżviluppa l-ekonomija waqt li jkattar ix-xogħol.
Mugabe, li kien mexxa liż-Żimbabwe għal 37 sena, irriżenja mit-tmexxija din il-ġimgħa taħt pressjoni mill-militar u mill-Partit Zanu-PF tiegħu. Intant, l-Oppożizzjoni fiż-Żimbabwe sejħet għal riforma politika ‘mill-għeruq’ u bil-għan li jitneħħew ‘is-sistemi tar-ripressjoni’ li ffurmaw il-bażi tal-eksreġim ta’ Mugabe.
Min-naħa tiegħu, Gene Leon qal li s-sitwazzjoni ekonomika attwali fiż-Żimbabwe għadha diffiċli ferm filwaqt li ħeġġeġ biex il-pajjiż jindirizza minnufih id-djun internazzjonali enormi wara li ilu s-snin ma jirrispetta l-obbligi ta’ fuqhom.
‘Iż-Żimbabwe mgħandhiex żmien x’titlef biex tnaqqas l-iżbilanċ għal livell sostenibbli, waqt li taċċellera r-riformi strutturali u tistabbilixxi mill-ġdid kuntatti mal-komunità internazzjonali biex taċċerta mill-appoġġ finanzjarju kritiku’, temm jgħid Leon.
Għalissa mhux ċar jekk il-Partit Zanu-PF għandux jiggverna waħdu fiż-Żimbabwe sakemm isiru elezzjonijiet ġodda ( is-sena d-dieħla) inkella jekk, f’Harare, tkunx iffurmata koalizzjoni ta’ għaqda nazzjonali li tinkludi fiha l-gruppi tal-Oppożizzjoni.
//= $special ?>

