Lokali

“L-għalliema għandhom jadattaw sabiex jilħqu aktar iż-żgħażagħ” – Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar tmien religious counsellors ġodda sabiex jikkontribwixxu fil-ħidma pastorali f’għadd ta’ skejjel tal-istat. Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Kurja fejn ġie spjegat li huma ser jingħaqdu mat-tim ta’ 21 religious counsellor li qed jagħmlu ħidma pastorali fid-diversi skejjel medji u sekondarji.

It-tmien religious counsellors ġodda huma:

Dun Sergio Fenech u Dun Joe Mifsud ser jaqdu ħidma fl-iskola Medja tal-Kulleġġ San Injazju tal-Ħandaq,

Dun Mark Mallia Pawley fl-iskola medja tal-Kulleġġ ta’ San Benedittu f’Ħal Kirkop,

Patri Ivan Attard OP fl-iskola sekondarja tal-Kulleġġ ta’ San Benedittu f’Ħal Kirkop,

Dun James Saydon fl-iskola sekondarja fil-Kulleġġ Santa Klara f’Pembroke,

Dun Claude Mifsud fl-iskola medja tal-Kulleġġ San Nikola fir-Rabat,

Dun Gilbert Scicluna fl-iskola medja tal-Kulleġġ Santa Margerita f’Bormla, u

Dun Chris Ellul fl-iskola sekondarja tal-Kulleġġ San Tumas Moore f’San Luċija.

Sadanittant, Mons. Arċisqof iltaqa’ mar-religious counsellors u l-membri taċ-chaplaincy teams u filwaqt li apprezza l-ħidma li jwettqu fl-iskejjel, huwa ħeġġiġhom sabiex “jisimgħu, iħobbu u jagħmlu dixxipli” fil-komunitajiet tal-iskejjel. L-Arċisqof sostna li l-edukaturi għandhom jadattaw il-prattiċi tagħhom sabiex jilħqu dejjem aktar l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ.

Is-sehem ta’ kull religious counsellor huwa li jakkumpanja fl-aspett reliġjuż u morali lill-membri tal-komunità fi ħdan l-iskola. Kull ġimgħa jiltaqa’ mal-istudenti, l-edukaturi u l-istaff biex jgħinhom fil-mixja tal-fidi u f’aspetti oħra tal-ħajja. Dan isir b’mod speċjali bi preżenza attiva ta’ fidi li tirrapreżenta l-valuri ta’ Ġesù fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Quddiesa, tal-qrar, prayer spaces u attivitajiet oħra skont il-bżonn tal-iskola.