L-intimidazzjoni, pressjoni, abbuż fuq il-midja, kemm b’mod fiżiku kif ukoll b’metodi ġodda bħal trolling, hate speech u abbuż psikoloġiku fil-konfront tagħhom mhux aċċettabbli. L-Ewroparlamentari Francis Zammit Dimech għamel dawn ir-rimarki waqt laqgħa tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni fil-Parlament Ewropew fi Brussell, liema Kumitat huwa responsabbli wkoll mil-midja.
Francis Zammit Dimech ikkundanna indikazzjonijiet riċenti fejn Pilatus Bank kien qiegħed jhedded lill-midja b’kawżi fl-Istati Uniti. Hu qal li l-Istat irid ikun proattiv biex jassigura li l-ġurnalisti, speċjalment dawk investigattivi, jkunu protetti f’xogħlhom u ma jkunx hemm tfixkil fl-aċċess għall-informazzjoni speċjalment f’dik li tinteressa l-pubbliku.
Il-ġimgħa li għaddiet, Zammit Dimech, iltaqa’ mal-ġurnalisti u l-midja Maltija biex jisma’ l-isfidi li qed jaffaċċjaw, liema sfidi huwa ppreżenta fil-Parlament Ewropew fil-preżenza tar-rapporteur Curzio Maltese. Dan tal-aħħar irrefera għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza f’ċertu pajjiżi u għamel referenza diretta għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fejn qal li ċ-ċirkostanzi kienu sejrin lura.
Zammit Dimech enfasizza wkoll il-bżonn li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xoħol tal-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-qasam tal-midja, b’mod speċjali l-freelancers, li ħafna drabi jaħdmu f’kundizzjonijiet ta’ prekarjat. Hu enfasizza wkoll li l-ġurnalisti għandhom jingħataw aktar opportunitajiet ta’ taħriġ biex jiżviluppaw il-karriera professjonali tagħhom. Hu qal li f’xi waqtiet, ix-xogħol tagħhom ma jiġix rikonoxxut għall-professjonalità tagħhom. Dan iħalli
impatt fuq l-indipendenza u l-mod kif huma jagħmlu xogħlhom.
Zammit Dimech li huwa r-rapporteur tal-Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew, fuq il-pluraliżmu u l-libertà tal-midja, enfasizza li għandu jkun hemm aktar sapport għall-ġurnaliżmu stampat fil-kuntest ta’ sfidi li qed jiġu affaċċjati minħabba l-midja diġitali sabiex verament ikun hemm pluraliżmu fil-midja. Qal ukoll li hemm bżonn ta’ aktar investiment fil-media literacy anke minħabba ż-żieda tal-fake news.
Iktar kmieni din il-ġimgħa, Zammit Dimech kien il-mistieden speċjali tal-istazzjon televiżiv poplari, France 24, waqt il-programm Talking Europe biex jiddibatti l-libertà tal-midja. Waqt id-dibattitu, Zammit Dimech qal li hu surreali li dawk li ma pproteġewx lil Caruana Galizia f’ħajjitha, issa riedu jagħmlu ġustizzja f’mewta.
Hu qal li b’dispjaċir, il-ħames Kummissarju tal-Pulizija f’erba’ snin, qed imexxi investigazzjoni li mhux qed tgawdi l-fiduċja mistennija.
//= $special ?>
