Lokali

L-isfidi għas-servizzi finanzjarji huma iktar ta’ natura politika milli ta’ natura ekonomika

L-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur tas-servizzi finanzjarji huma ta’ natura politika iktar milli ekonomika.

Meta kien qed jindirizza konferenza organizzata mill-Istitut għas-Servizzi Finanzjarji dwar l-isfidi regolatorji f’dan il-qasam, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li għandna nibqgħu naħdmu biex Malta tibqa’ ġurisdizzjoni li tattira investiment u tibqa’ għażla għall-operaturi biex jibbażaw il-kumpaniji tagħhom.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja bis-sħiħ lill-Gvern Malti kontra inizzjattivi biex ikun armonizzazzjoni fit-tassazzjoni fuq livell ta’ Unjoni Ewropea.

Min-naħa l-oħra, kompla il-Kap tal-PN, ir-reputazzjoni f’dan is-settur hi kruċjali u sfortunatament, pajjiżna kien fl-aħbarijiet internazzjonali għal raġunijiet żbaljati.

Adrian Delia semma kif Gvernijiet Nazzjonalisti ħadmu biex issaħħaħ is-settur tas-servizzi finanzjarji u raw is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea bħala mezza kif is-settur jikber b’rata mgħaġġla biex issa sar kontributur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku. Is-settur irnexxielu wkoll jegħleb waħda mill-agħar kriżijiet ekonomiċi ta’ kull żmien prattikament bla mittiefes.

Kompla li regolamentazzjoni f’waqtha hi ċ-ċavetta biex Malta tkun fuq quddiem fl-aħħar innovazzjonijiet fosthom il-fintech, blockchain u cryptocurrencies.

Adrian Delia temm li hemm diversi kumpaniji li qed ifittxu jiċċaqilqu barra mir-Renju Unit f’pajjiż ieħor hekk kif dan joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Malta għandha tassigura li tkun f’pożizzjoni li taħtaf din l-opportunita’ bla preċedent.