Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni mhix tnaqqas id-drittijiet taċ-ċittadini iżda trid liġijiet konformi

Stephen Spiteri, PN

Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri sostna li l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni mhix se tnaqqas id-drittijiet taċ-ċittadini Maltin li jridu jużaw dawn is-servizzi jew biex tiddiskrimina skont l-orjentazzjoni sesswali iżda qed titressaq bi skop tajjeb biex fil-pajjiż is-servizzi tal-IVF ikunu regolati, jingħataw bla ħlas u jkunu konfromi mal-liġijiet tal-pajjiż.

Stephen Spiteri qal li l-mozzjoni ma tersqitx għax l-Oppożizzjoni hi kontra l-100 siegħa leave lill-koppji, anzi temmen li dawn għandhom jingħataw iktar minħabba l-perjodu diffiċli li jkunu għddejjin minnhom. L-Avviż Legali ma jaqbilx mal-liġi attwali li hawn fil-pajjiż u għalhekk il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni taħseb biex dawn il-koppji ma jkollhom xkiel.

Hu semma d-diversi trattamenti u qal li dawn huma illegali fil-pajjiż bil-liġi preżenti u għalhekk jekk l-Oppożizzjoni tkun favur l-avviż legali, ikun hemm lok li b’dak li jsir barra l-pajjiż, ikunu approvati sitwazzjonijiet li għadhom mhux regolati bil-liijiet Maltin. Din mhix mozzjoni li għandha l-iskop li tiddiskrimina iżda l-fatti huma li fil-pajjiż għad m’hawnx ċertu liġijiet. Jeħtieġ diskussjoni dwar l-iffriżar tal-embrijuni u aspetti oħra.

Ma jistax ikun li fil-parlamnet jitressqu avviżi legali li jmorru kontra l-liġijiet eżistenti. L-Oppożizzjoni qed tirrikonoxxi li dan hu għan tajjeb biex il-persuni għaddejjin minn dan it-trattament ikunu mgħejjuna għaliex ikunu għaddejjin minn sitwazzjoni psikoloġika diffiċli.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-avviż legali ma jaqbilx mal-liġi prinċipali u għalhekk għandhom isiru l-bidliet neċessarji biex il-liġi tkun konformi u paralleli ma’ dak li għadda l-parlament meta irrikonoxxa persuni omosesswali daħlu fiż-żwieġ.