Lokali

Ma ġiex investigat insib illegali f’177 sit

Il-Wild Bird Regulation Unit (WBRU) irrifjutat li tinvestiga rappprti mill-Committee Against Bird Slaughter (CABS) dwar 177 sit ta’ nsib li qed jintużaw f’żoni ipprojbiti għall-insib.

CABS qalu li dawn iż-żoni huma fuq xagħri fejn uħud minnhom anki nstabu fuq fortifikazzjoni bħal Ricasoli u s-sur ta’ Notre Dame. Il-kumitat qal li ma jistax jifhem kif l-aġenzija tal-gvern irrifjutat li tinvestiga speċjalment wara li s-sena l-oħra numru ta’ rapporti simili wasslu għall-konfisika ta’ numru ta’ xbieki u oġġetti oħra; liema rapporti wasslu biex ittieħdu passi kriminali kontra żewġ persuni.

Kelliem għall-CABS qal li n-nuqqas ta’ azzjoni mill-WBRU hu foma ta’ aċċettazzjoni li inqas persuni li jabbużaw se jkunu penalizzati u fl-istess waqt ma jitneħħewx imnasab minn postijiet li qatt m’għandhom jitpoġġew fihom. CABS issa se tressaq ir-rapporti tagħha lill-pulizija u lill-ERA biex issir investigazzjoni indipendenti.

Skont il-CABS, wieħed mill-persuni li abbużaw u li nqabad f’Novembru 2016 kellu jitressaq il-qorti l-Erbgħa li għadda. Hu kien instab ħati li qabad għasafar f’zona mhux reġistrata f’Pemborke u kien kundannat multa ta’ €2,000.

Il-Qorti kienet ordnat ukoll li l-liċenzja tiegħu għall-kaċċa u l-insib tkun irtirata għal dejjem. Wara d-deċiżjoni tal-Qorti hu kompla jabbuża verbalment u hedded xhieda ewlenin tal-prosekuzzjoni u kienet membru tal-CABS meta din kienet sejra lejn il-karozza tagħha.