Qawwiet fl-Iraq bdew offensiva oħra kbira bil-għan li ‘jikinsu’ l-aħħar militanti tal-ISIS mill-ftit inħawi li għadhom jokkupaw qalb id-deżert viċin il-fruntiera mas-Sirja.
It-territorji għeri bejn ix-xmajjar ta’ Tigris u Euphrates huma l-aħħar refuġju għall-militanti tal-ISIS fl-Iraq wara li t-truppi tal-Gvern Iraqi u paramilitari alleati kienu keċċew lit-terroristi mill-madwar u miz-zoni urbani kollha tal-pajjiż.
Intant, it-truppi u paramilitari Iraqqin, bl-appoġġ tal-pulizija federali, bdew bl-offensiva fir-reġjun li jinkorpora lill-provinċji ta’ Salaheddin, Nineveh u Anbar.
Għalkemm l-Iran, din il-ġimgħa, iddikjara ‘trijonf fuq l-ISIS’, il-Prim Ministru Iraqi, Haider al-Abadi, sostna li hu mhux se jagħmel dikjarazzjonijiet bħal dawn ‘sakemm id-deżert ikun nadif mit-terroristi’.
Fis-Sirja, man-naħa l-oħra tal-fruntiera, il-qawwiet tal-Gvern u qawwiet tal-Kurdi kienu qed iwettqu azzjonijiet militari simili biex jeliminaw lill-ISIS fl-artijiet partikulari.
//= $special ?>

