Il-Kunsill Lokali Pembroke esprima t-tħassib tiegħu dwar il-proposta ta’ proġett minn DB Group fil-Bajja ta’ San Ġorġ.
Fi stqarrija l-Kunsill qal li japprezza r-rieda li ż-żona tkun riġenerata b’attività ekonomika li timmassimizza l-potenzjal taż-żona tal-bajja iżda dan l-iżvilupp m’għandux isir għad-detriment tar-residenti. Kull żvilupp għandu jsir fil-kuntest tar-residenti u għalhekk il-kunsill qed jappella li l-proġett ikun maħsub mill-ġdid.
Il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke qal li l-kobor tal-proġett se jħalli impatt fuq l-aspetti viżwali taż-żona u aktar minn hekk tal-attività soċjali u soċjo-ekonomika tal-lokal. Dan qed iħasseb mhux ftit lill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke għaliex l-interess tal-kunsill hu li Pembroke jibqa’ lokal żgħir maħbub mir-residenti u minn dawk li jżuruh u li ma jkunx appendiċi ta’ proġett massiċċ.
Il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke jemmen li jkun pro-attiv u joffri soluzzjonijiet biex jiżgura li l-proġett ikun approvat kemm wara t-tlestija u aktar minn hekk waqt il-fażi ta’ kostruzzjoni, r-residenti jkunu protetti mill-impatti li indubbjament se jkunu qed isforu.
//= $special ?>

